Inżul ta’ emerġenza mir-Ryanair – 33 midruba

Aktar minn 30 passiġġier fuq titjira tar-Ryanair sfaw midruba, b’uħud spiċċaw bid-demm ħiereġ minn widnejhom, wara li tbaxxiet il-pressjoni tal-kabina fuq titjira minn Dublin lejn il-Kroazja.

It-titjira FR7312 li telqet minn Dublin u kienet sejra lejn Zadar għamlet inżul ta’ emerġenza fi Frankfurt fil-Ġermanja biex il-passiġġieri jingħataw l-għajnuna.

Il-kumpanija tal-ajru qalet li l-maskri tal-ossiġnu ġew rilaxxati immedjatament u ħadmu kif suppost filwaqt li l-membri tal-ekwipaġġ għamlu ħilithom biex jikkontrollaw is-sitwazzjoni sakemm l-ajruplan niżel.

Dublin – Zadar. Ryanair let FR7312. 13.07.2018. Dekompresija na 11000 metara i naglo spuštanje na 2800 metara. Prinudno sletanje na Frankfurt Hahn. Jedva čujem na desno uvo. Bitno da smo preživeli 😉

Posted by Miomir Todorovic on Friday, July 13, 2018

L-ajruplan niżel minn għoli ta’ 11,300 metru għal 3,000 metru, total ta’ 8,000 metri f’seba’ minuti biss skont is-sit Flight Radar.

Fi stqarrija Ryanair qalet li l-ajruplan għamel inżul normali u li l-passiġġieri niżlu, fejn xi wħud minnhom ingħataw assistenza medika.

Il-Pulizija Ġermaniża qalet li l-ajruplan kien qed iġorr 189 passiġġier, fejn 33 minnhom kellhom jittieħdu l-isptar għall-kura filwaqt li xi wħud għażlu li ma jkomplux il-vjaġġ.

‘In-nies qed iwerżqu’

Xi wħud mill-passiġġieri tkellmu mal-midja internazzjonali dwar dak li għaddew minnu fuq l-ajruplan fejn qalu li telgħu fuq l-ajruplan, bdiet it-titjira u f’salt wieħed niżlu l-maskri tal-ossiġnu u tħallew fid-dlam għal 15-il minuta. Huma stqarru li ma ngħatawx ċertezza jekk kienx ġara xi ħaġa u li bdew jisimgħu lin-nies iwerżqu u jgħajtu “emerġenza! emerġenza!”.

Passiġġier ieħor qal li kulħadd kien inkwetat għax fuq l-ajruplan kien hemm tarbija tat-twelid u diversi tfal, filwaqt li stqarr li kien hemm madwar erba’ minuti fejn l-ajruplan kien qed jaqa’ b’rata mgħaġġla ħafna u wara kwarta ġew mgħarrfa li kollox kien taħt kontroll.