Aġġornata: “Inżommu ‘omm’ u ‘missier’, inżidu ‘ġenituri’” – Simon Busuttil

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Simon Busuttil ħabbar l-emenda li se jkun qed iressaq fil-Parlament il-Partit Nazzjonalista, dwar l-abbozz ta’ liġi fuq l-Att dwar iż-Żwieġ.
Waqt kollegament telefoniku fuq Radio 101, Simon Busuttil stqarr li l-emenda hi li minflok jitneħħew it-termini “omm” u “missier” biex flokhom tiġi “ġenituri”, tiddaħħal xorta waħda l-kelma “ġenituri”, waqt li jibqgħu l-kelmtejn l-oħra.
“Din hi emenda li se tkun qed tressaq l-Oppożizzjoni u li l-Gvern għandu japprovaha”, sostna Dr Busuttil.
Żied jgħid li kieku Dr Muscat irid jgħaqqad lill-poplu, kieku ma kienx jagħżel li fil-liġi taż-żwieġ gay ineħħi r-referenza għal “omm” u “missier” u flokhom ipoġġi “ġenituri”.
Dr Busuttil talab lill-Prim Ministru sabiex jasal għal qbil fuq l-emendi għal din il-liġi, biex b’hekk din il-liġi tkun approvata bl-appoġġ tal-poplu Malti u Għawdxi.
Il-Kap Nazzjonalista tkellem ukoll dwar l-aħbar tat-tkeċċija ta’ żewġ uffiċjali għolja mill-FIAU.
Huwa sostna li din l-aġenzija li tinvestiga każijiet ta’ ħasil ta’ flus hi importanti f’pajjiż avvanzat u membru tal-Unjoni Ewropea u li jrid ikun ċentru ta’ servizzi finanzjarji.
Irrefera għal rapporti li hu stess ressaq quddiem il-Maġistrati, fejn l-FIAU qalet li għandha suspett raġjonevoli li Keith Schembri wettaq reati ta’ ħasil ta’ flus, u li jistgħu jwasslu għal piena ta’ 18-il sena ħabs.
Simon Busuttil enfasizza li “Keith Schembri, iżda, mhux talli ma tkeċċiex minn Joseph Muscat, iżda talli l-Pulizija ma ħadet ebda passi u talli wara l-elezzjoni, Muscat reġa’ ħatru Chief of Staff”.
Sostna li t-tkeċċija taż-żewġ uffiċjali tal-FIAU saret wara li l-Ministru Edward Scicluna implika li r-rapporti li saru, kienu saru b’motivazzjoni politika.
Filwaqt li spjega li dan hu eżempju ieħor ta’ kemm il-liġi ma tgħoddx għal kulħadd fil-pajjiż, Dr Busuttil stqarr li “f’dan il-każ, il-Prim Ministru bagħat messaġġ li l-Gvern se jneżża’ l-istituzzjonijiet mill-ftit serjetà li kien baqgħalhom, għaliex se jneħħi lin-nies li jagħmlu xogħlhom”.
Temm jgħid li għalkemm il-PN tilef l-elezzjoni, se jibqa’ jiġġieled  sabiex issir ġustizzja. Lill-maġistrati li qed imexxu l-inkjesti qalilhom li huma l-uniku tama li għad baqa’ fil-pajjiż biex il-liġi tgħodd għal kulħadd.
“Il-PN irid jagħmel u-turn fuq il-kwistjoni tal-Liġi tal-Ugwaljanza” – Partit Laburista
B’reazzjoni għall-kummenti li ta l-Kap Nazzjonalista, il-Partit Laburista sostna li Dr Busuttil irid jibqa’ jagħmel distinzjoni legali bejn il-persuni LGBTIQ u dawk eterosesswali.
Saħaq li din hija mossa ċara li turi l-kliem fuq żwieġ indaqs qabel l-elezzjoni kien biss kliem għall-konvenjenza politika u mhux kwistjoni ta’ prinċipju.
Qal li l-PN irid li fil-pajjiż ikun hawn ugwaljanza à la carte, fejn mhux kulħadd ikun meqjus l-istess.
"Missna niċċelebraw il-kisba ta' aktar ugwaljanza, mhux inqajmu l-paniku" – il-Gvern
Il-Ministru għall-Ugwaljanza, Helena Dalli, qalet li xi deputati Nazzjonalisti qed jippruvaw iqajmu paniku nazzjonali f’mument fejn suppost qed tiġi ċċelebrata l-kisba ta’ aktar ugwaljanza.
L-istqarrija tal-Gvern tgħid li l-Kap Nazzjonalista qal li fl-emendi li se jipproponi, irid li jibqa' l-kliem “raġel” u “mara” mal-kelma “konjugi”.
Il-Ministru Dalli fakkret li l-Liġi Maltija diġà tirreferi għal “konjugi” u “ġenituri” f’diversi liġijiet u dawn ir-referenzi qatt ma naqsu d-drittijiet ta’ koppji eterosesswali li jissejħu “raġel” u “mara” jew “omm” u “missier”.
Finalment, temmet tgħid Dalli, emendi ta’ dawn it-tip impliċitament inaqqru l-kunċett t’ugwaljanza u joħolqu distinzjoni bejn koppji differenti.