Inżgħu l-mantar u aħslu saqajn id-dixxipli – L-Arċisqof

Read in English.

L-Arċisqof Charles Scicluna, waqt l-ordinazjoni djakonali, ħeġġeġ sabiex id-djakni ġodda jilbsu l-istil ta’ ħajja ta’ Kristu li ħasel riġlejn id-dixxipli.

Ġewwa l-Knisja Arċipretali taż-Żejtun, dalgħodu Mons. Arċisqof mexxa l-ordinazjoni djakonali ta’ erba’ żgħażagħ, tliet seminaristi u patri Kapuċċin.

“Id-djakonat mhux sempliċi pass għas-saċerdozju,” saħaq Mons Arċisqof, “imma hu stil ta’ ħajja li jixbah ’il dak li neża’ l-mantar, tħażżem b’fardal u ħasel riġlejn id-dixxipli.” Dan kien il-qofol tal-messaġġ li l-Arċisqof għadda lill-erba’ djakni ġodda.

F’ċerimonja aktar intima mis-soltu minħabba r-restrizzjonijiet tas-saħħa, imdawrin mill-qraba u ftit ħbieb, Rev Roderick Baldacchino, Rev Joshua Cortis, Rev Jean Claude Schembri u Rev Mark Scicluna, irċevew l-Ordni sagri mingħand l-Arċisqof li ħeġġiġhom sabiex imorru fejn isejħilhom Kristu, sabiex jaqdu u jkun ta’ servizz.

L-Arċisqof, hu u jirreferi għall-Ewwel Qari magħżul għall-okkażjoni, saħaq li bħal Ġeremija huma ukoll m’għandhomx jibżgħu miċ-ċokon tagħhom. “Tgħidx għandi żgħir, anke meta tixrief fiż-żmien, qatt taqta’ qalbek miċ-ċokon tiegħek, mid-dgħufija tiegħek, mill-fatt li inti quddiem l-isfidi tal-ħajja u ċ-ċirkostanzi tħossok tassew ċkejken, tassew żgħir.”

Aqra l-omelija tal-Arċisqof Charles Scicluna hawn.