‘Inżel fuq l-istejġ u ċemplilna minn hemm’ – Arriva lill-persuna b’diżabiltà

Persuni b’diżabiltà u anzjani qed isibu diffikultà biex jitilgħu fuq uħud mill-karozzi tal-linja pprovduti mill-UBS, l-operatur privat li beda jopera llum fir-rotot tal-bendy buses.

Persuna bi bżonnijiet speċjali qalet ma’ Newsbook.com.mt li kienet imħassba kif se titla’ fuq il-karozza tal-linja mill-Isptar għad-dar, wara li semgħet li fuq dik ir-rotta tista’ tinzerta waħda mill-karozzi tal-linji antiki.

Huwa spjega kif ċempel lill-kumpanija Arriva biex tittieħed azzjoni u dawn il-karozzi ma jintużawx tal-inqas fuq ir-rotta tal-isptar, iżda dam tliet sigħat biex ħa tweġiba.

Madanakollu, it-tweġiba li rċieva kienet ‘inżel fuq l-istejġ u ċemplilna minn hemm’.

Sadanittant ma’ Newsbook.com.mt tkellem ukoll anzjan li qal li sab diffikultà biex jitla’ fuq tal-linja wara li kellu appuntament l-isptar. Huwa sostna li kien biss bis-saħħa tan-nies li kienu telgħin fuq l-istess karozza li seta’ jitla għax kieku kien jibqa’ hemm fix-xemx.

Il-karozzi tal-linja tal-Arriva huma kollha mgħammra bir-rampa, li sservi ta’ għajnuna kbira għall-anzjani, persuni b’diżabiltà kif ukoll ommijiet bil-pushchairs.

Dawn il-karozzi tal-linja l-antiki li qed joperaw fuq ir-rotta tal-bendy buses, kienu qed jintużaw fuq ir-rotot tat-turisti u huma parti mill-UBS.

 

Ħalli l-kumment tiegħek hawn.