Inżamm arrestat għax hedded lill-eks sieħba li joqtolha

Raġel mill-Ħamrun inżamm taħt arrest wara li bagħat messaġġi lill-eks sieħba tiegħu nhar l-Erbgħa b’theddidiet li jisparalha u joqtolha.  Ir-raġel li għandu 42 sena deher quddiem il-Qorti llum u ġie akkużat li għamel użu ħażin mill-mezzi ta’ telekomunikazzjoni. Hu ġie akkużat ukoll li hedded u insulenta lill-eks sieħba, li kawża ta’ dan ġiegħilha tibża mill-vjolenza, kiser l-ordni ta’ protezzjoni, u kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest.

L-Ispettur qal li l-akkużat bagħat messaġġi ta’ theddid lil omm it-tfal tiegħu, li fil-preżent qed tgħix ma’ raġel ieħor. Hu spjega kif il-mara kienet tpoġġiet taħt protezzjoni wara li ingħatat ordni mill-qorti xi żmien qabel.

L-avukati tal-mara spjegaw kif iż-żewġ persuni kellhom xi propjetà u t-tfal, iżda ma kinux miżżewġa. Apparti li heddidha, wieħed mill-avukati qal li s-sieħba l-ġdida tal-akkużat kienet refgħet idha fuq l-eks sieħba wkoll. Iżda l-avukati tad-difiża qalu li l-omm ma kinitx qed tieħu ħsieb tat-tfal sew minħabba li tieħu wieħed mit-tfal tagħha meta tiltaqa’ mas-sieħeb li qed jistenna li jgħaddi ġuri dwar tliet każijiet ta’ traffikar ta’ droga.

Wieħed mill-avukati tal-akkużat qal li jekk kien hemm theddida, kien ċar li kienet waħda vojta, għax skont l-avukat ma ġara xejn fil-jumejn bejn l-allegata theddida u l-ġurnata li l-mara għamlet rapport lill-pulizija. Hu kompla u qal li fil-verità hemm tilwima dwar il-propjetà li għandhom bejniethom. Hu qal li m’hemm ebda raġuni biex l-akkużat jinżamm arrestat.

Il-qorti ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest minħabba r-riskju li jbiddel il-provi u minħabba li ma obdiex il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest li kienu ingħatawlu.

Inħarġet ukoll ordni ta’ protezzjoni favur il-mara li tiprojbixxi lill-akkużat milli jsegwiha jew jagħmel kuntatt magħha.