“Inxerred ritratti tiegħek għarwiena jekk ma tħallinix”

Tfajla ta’ 15-il sena kienet sfurzata jkollha x’taqsam sesswalment ma’ raġel ta’ 31 sena, hekk kif heddida li se jxerred ritratti tagħha għarwiena li kellu fil-pussess tiegħu.

Hekk instema’ fil-Qorti llum, bir-raġel, li huwa mill-Pakistan, akkużat li sforza lit-tfajla tipparteċipa f’attivitajiet pornografiċi, li ipparteċipa f’attivitajiet sesswali ma’ tifla taħt l-età bl-użu ta’ vjolenza, li ipproduċa pornografija tat-tfal, u li uża mezzi ta’ telekomunikazzjoni b’mod li mhux xieraq.

Il-prosekuzzjoni spjegat li r-raġel iffissa fuq it-tifla wara li ltaqa’ magħha numru ta’ drabi. Meta riedet li jieqfu jiltaqgħu, kien uża tliet profili foloz fuq Facebook biex jgħidilha li trid terġa’ tkun miegħu inkella se jippubblika r-ritratti tagħha għarwiena. Il-Qorti semgħet kif finalment, it-tfajla ta’ ħmistax-il sena kellha x’taqsam miegħu peress li qalilha li se jħassar ir-ritratti.

L-akkużat ġie Malta speċifikament biex jiltaqa’ mat-tfajla wara li kienu kkomunikaw fuq Instagram. Ilu Malta għal 3 xhur, u għandu permess ta’ residenza Taljana.

L-akkużat wieġeb mhux ħati għall-akkużi u d-difiża talbet għal ħelsien mill-arrest. Il-prosekuzzjoni wieġbet li l-akkużat m’għandu l-ebda rabta ma’ Malta, u li l-vittma toqgħod viċin ta’ fejn jaħdem. Il-Qorti ċaħdet il-ħelsien mill-arrest.