Awdjo: “Inxammru l-kmiem biex inkomplu nwasslu l-messaġġ ta’ Kristu b’mod konkret”

Meta tkellem mal-ġurnalisti fi tmiem il-quddiesa fi Pjazza San Pietru li inawgurat il-Pontifikat tal-Papa Franġisku, l-Isqof Awżiljarju Charles J Scicluna li attenda f’isem l-Isqfijiet Maltin, qal li din kienet esperjenza kbira ta’ talb fis-sempliċità tagħha. Spjega li laqtu ħafna l-fatt li l-folla kbira li kien hemm ipparteċipat fis-silenzju u fit-talb f’dan il-mument sabiħ li l-Knisja tagħti merħba lil Papa ġdid.
Huwa kkwota dak li qal il-Papa li ‘Ma nibżgħux inkunu twajbin u ma nibżgħux nesprimu l-imħabba lejn xulxin.’
Dwar dak li qal il-Papa li jrid Knisja fqira għall-Fqar, l-Isqof Scicluna spjega li “Aħna rridu mmorru mill-ħafna kliem sabiħ, li hu tajjeb, u fejn hemm bżonn inxammru l-kmiem biex inkomplu inwasslu l-messaġġ ta’ Kristu b’mod konkret .”
Qal li l-Knisja diġà tirrispondi għal diversi tipi ta’ faqar ta’ min hu fil-bżonn, fosthom ma’ dawk li għandhom il-ġuħ, dawk li għandhom bżonn l-edukazzjoni u dawk li għandhom bżonn il-kura. Tkellem dwar il-faqar ġdid: id-drogati u dawk morda bl-AIDS. Spjega kif meta kien Arċisqof ta’ Buenos Aires, Bergoglio ta xhieda konkreta ta’ xi tfisser tkun Isqof fid-dinja tal-lum: mhux biss Isqof ta’ kulħadd imma xhieda ħajja ta’ Kristu ma’ dawk fil-bżonn.
Iddeskriva lil Papa Franġisku bħala ferrieħi ħafna, konkret u attwali, li jaf jinżel fil-livell ta’ kulħadd u jaf jgħolli l-qlub biex kulħadd jerfa’ r-responsabbiltajiet tiegħu mingħajr ma jaqta’ qalbu mid-difetti tiegħu, mid-dnubiet u lanqas mill-futur.