Involviment tal-privat fit-tmexxija tal-Addolorata

Il-Gvern se jkun qed jinvolvi lill-privat fit-tmexxija taċ-ċimiterju tal-Addolorata.
Dan qalu s-Segretarju Parlamentari għas-Saħħa Chris Fearne fi tweġiba għall-mistoqsijiet tad-Deputat Nazzjonalista Claudette Buttigieg.
Huwa sostna li s-sejħa se tinħareġ wara li l-MEPA tapprova l-permessi neċessarji u dan se jippermetti li ċ-ċimiterju jiġi estiż mingħajr nefqa kapitali mill-Gvern.
Buttigieg staqsiet għal darba tnejn dwar kemm se jkunu allokati fondi għall-iżvilupp taċ-ċimiterju kif ukoll dwar jekk il-Gvern huwiex se jonora l-konvenji dwar bejgħ ta’ oqbra li saru fi żmien amministrazzjoni preċedenti.
Fearne, min-naħa tiegħu sostna li l-amministrazzjoni preċedenti abbandunat iċ-ċimiterju, u minkejja li kien hemm il-permessi neċessarji u investiment ta’ madwar €1.5 miljun, l-estensjoni mwiegħda baqgħet ma saritx. Barra minn hekk, kienu saru konvenji fuq oqbra għadhom mhux imħaffra u dan wara li kien skada l-permess tal-MEPA. Sostna li l-konvenji se jiġu mġedda sakemm l-estensjoni titlesta.