Investituri qed iħassru żjarat f’Malta – Bartolo

Read in English.

Il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Evarist Bartolo kiteb li investituri qed iħassru żjarat li kellhom ippjanati f’Malta waqt li oħrajn qed jistennew qabel jagħmlu passi oħra li kellhom jagħmlu.

Il-Ministru Bartolo jikteb li bħala Ministru tax-Xogħol hu jinsab inkwetat ħafna bil-ħsara li qed issir lil Malta bis-sitwazzjoni preżenti ta’ instabilità.

“Kemm nifilħu ndumu kif aħna qisna vapur jinġarr mill-mewġ u mill-kurrenti bla kontroll fuq it-tmun u bla direzzjoni?” jikteb Bartolo.

Bartolo kiteb li f’dawn l-aħħar seba snin l-Gvern irdoppja d-daqs tal-ekonomija, ħoloq ħafna xogħol u għalhekk seta’ jonfoq ħafna iżjed fuq is-saħħa, l-edukazzjoni u s-servizz soċjali biex titjieb l-ħajja tal-poplu Malti.

“Il-poplu tagħna kollu jwegga’, l-aktar dawk li jifilħu l-inqas u bla lehen: propju dawk li ghalihom twieled il-Partit Laburista kwazi 100 sena ilu,” kiteb Bartolo.

Il-Ministru Bartolo kien għamel asserzjoni simili fl-1998 meta Gvern Laburista mmexxi minn Alfred Sant kien sejjaħ elezzjoni bikrija wara kriżi politika fi ħdan il-Gvern bejn il-Prim Ministru Sant u l-ex mexxej Laburista Dom Mintoff.