Investitura fl-Ordni Ewkestru tas-Santu Sepulkru ta’ Ġerusalemm

Minkejja l-pandemija tal-covid, il-jiem tas-6 u s-7 ta’ Novembru 2020 kienu jumejn impenjattivi ferm u importanti għal-Logutenenza Maltija tal-Ordni Ewkestru tas-Santu Sepulkru ta’ Ġerusalemm. F’dawn il-jiem saru rispettivament il-Vġli ta’ Talb, u l-Investitura Solenni tal-akbar numru ta’ Kavallieri li qatt ġew maħtura f’okkażjoni waħda fil-Logutenenza Maltija tal-Ordni. Fil-fatt saċerdot, tmien Kavallieri u erba’ Dami  rċevew l-Investitura u l-ħatra tagħhom bħala membri tal-Ordni mingħand l-E.T. Mons. Charles J. Scicluna, Arċisqof ta’ Malta u Gran Prijur tal-Logutenenza Maltija ġewwa l-Konkatidral ta’ San Ġwann, Valletta, nhar is-Sibt 7 ta’ Novembru 2020.

Il-Kavallieri u d-Dami ġodda huma: Fr. Nicholas Doublet, is-sinjuri Nikolai Briffa, James Galea,  Richard Cachia Caruana, Stephen John Gatt, Giuseppe Gauci, Ian Noel Pace, Marco Spiteri, Stephen Henry Testaferrata Moroni Viani, u  Josanne Borg Scerri, Valentina Lupo, Alexandra Mamo, u Tania Mercieca. B’hekk issa l-għadd ta’ membri fil-Logutenenza Maltija huwa ta’ 75 Kavallieri u Dami. Is-sena d-dieħla din il-Logutenenza Maltija tagħlaq 25 sena mit-twaqqif tagħha.

Iċ-ċerimonja tkompliet b’quddiesa Solenni fil-preżenza tal-Logutenent l-E.T. Kavallier Gran Uffiċjal Roberto Buontempo u numru kbir ta’ Kavallieri u Dami oħra.

Lejlet l-Investitura, fil-Bażilka ta’ Santa Liena, B’Kara, l-E.T. Mons. Isqof  Awżiljarju Joseph Galea-Curmi, bħala Kavallier Gran Uffiċjal tal-Ordni, mexxa ċ-ċerimonja tal-Vġil ta’ talb u t-tberik tal-Kapep bojod b’Insignia tal-Ordni fuqhom u tad-dekorazzjonijiet tal-Kavallieri u d-Dami l-ġodda kif ukoll ta’ membri oħra li rċevew xi promozzjonijiet għas-servizzi tagħhom lill-Ordni. Matul din iċ-ċerimonja l-postulanti ħadu u ffirmaw il-Ġurament ta’ Lealtà tagħhom lejn l-Ordni Ewkestru.

(Nota:Interessanti wieħed jgħid hawnhekk li fil-Medju Evu din iċ-ċerimonja kienet magħrufa bħala l-Vġil tal-Armi għaliex matulha dawk li kienu se jinħatru kavallieri kienu jinġabru għal-lejla ta’ talb quddiem l-artal li fuqu kienu jitqiegħdu x-xwabel, l-armi u l-armatura kollha tagħhom biex jitbierku u biex jiftakru ukoll għal liema sejħa u missjoni nobbli kienu ġew msejħa mill-Knisja bħala kruċjati biex  jiddefendu u jħarsu  l-Qabar ta’ Kristu u postijiet sagri oħra  f’Ġerusalemm kontra l-invażjonijiet u t-taqbid tal-qawwiet Musulmani.)

Okkażjoni Partikulari:    

Fl-aħħarnett, ta’ min jgħid li dawn iċ-ċerimonji riċenti oriġinarjament kellhom isiru f’Mejju 2020 iżda minħabba l-pandemija kellhom jiġu posposti għal Novembru.  Propjament ukoll, iċ-ċerimonja tal-Investitura kellha tkun ppreseduta mill-Emm. Tiegħu l-Kardinal Fernando Filoni bħala Gran Mastru tal-Ordni Ewkestru, iżda fiċ-ċirkustanzi preżenti tmexxiet għall-ewwel darba mill-Arċisqof Charles J.Scicluna bħal Gran Prijur tal-Logutenenza Maltija. Interessanti wkoll li f’din l-Investitura kellna t-tieni l-iżgħar kavallier fl-Ordni Ekwestru fid-dinja fil-persuna ta’ Stephen Testaferrata Moroni Viani li  għad għandu  26 sena biss. L-għadd ta’ membri fi ħdan l-Ordni Ekwestru tas-Santu Sepulkru ta’ Ġerusalemm fid-dinja kollha jlaħħaq madwar 30,000.

Manwel Cutajar KCHS  – Membru fl-Ordni Ewkestru