Investiment ta’ iktar minn €7 miljun fir-rugby

Il-Gvern se jinvesti aktar minn €7 miljun fid-dixxiplina sportiva tar-rugby. Permezz ta’ ftehim li l-Gvern iffirma mal-Malta Rugby Football Union f’Għajn Dwieli, art u anki faċilitajiet se jgħaddu f’idejn l-għaqda għal 25 sena. S’issa, kemm ilha mwaqqfa fl-aħħar tletin sena, din l-għaqda qatt ma kellha art għad-dispożizzjoni tagħha u li fuqha setgħet tħarreġ lin-nies tagħha.

Waqt l-iffirmar, li għalih kien preżenti l-Prim Ministru Lawrence Gonzi, is-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Isport, Clyde Puli, qal li dan il-proġett jiżdied mas-sittin proġett sportiv li qal li saru fl-aħħar sittin xahar. Permezz ta’ dan il-ftehim, l-MRFU se jkunu qed jingħataw l-użu mhux esklussiv ta’ Pitch 1 u Pitch 3 fil-Marsa li għandhom 130 metru bi 83 metru u 130 metru b’75 metru rispettivament għat-taħriġ, filwaqt li qed jingħataw l-użu mhux esklussiv ta’ pitch 4 li għandu l-qies ta’ 60 metru b’75 metru għall-warm-up.

Aktar minn hekk, fil-Marsa se jingħataw l-użu ta’ żewġ showers, changing rooms u l-użu eskulssiv ta’ kwartieri minn fejn joperaw li se jkunu jikkonsistu f’kamra tal-kumitat, u żona għall-membri, żewġ uffiċini, Audio Visual / Lecture Room u fost oħrajn.

F’Għajn Dwieli, il-Gvern qed jagħti l-użu esklussiv ta’ art pubblika biex jiġi żviluppat stadium tar-rugby flimkien ma’ faċilitajiet anċillari, fejn minbarra l-art, il-Gvern se jkun qed jagħti lill-Għaqda tar-Rugby €500,000 oħra fuq perjodu ta’ sentejn biex jiżviluppaw dan is-sit.

Ritratt: Facebook

Ħalli l-kumment tiegħek hawn taħt