Investiment ta’ €8 miljun fl-ewwel skema ta’ ‘car-sharing’ f’Malta

Il-Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali, Ian Borg, ħabbar li l-kumpanija CAR2GO Israel se tinvesti iktar minn €8 miljun f’Malta billi tintroduċi għall-ewwel darba fil-pajjiż servizzi ta’ car-sharing.
Il-Ministru spjega waqt konferenza tal-aħbarijiet li dan is-servizz għandu l-għan li jħajjar lin-nies jagħmlu użu konġunt mill-vetturi, billi jużaw il-vetturi għal xi ħin, minflok jixtru karozza.
Dr Borg stqarr li minbarra li din l-iskema se tnaqqas il-konġestjoni fit-toroq u ttaffi l-problema tal-parking, se tnaqqas ukoll l-emissjonijiet, labdarba l-150 vettura li se jintużaw f’Malta u Għawdex se jkunu elettriċi.
Għalhekk, il-kumpanija se tkun qed tinstalla 450 charging point ġdida f’Malta, minbarra l-102 charging points li diġà twaħħlu mill-Gvern.
Skont Dr Borg, dan se jgħin lill-pajjiż biex jilħaq l-għanijiet stipulati mill-Unjoni Ewropea li l-pajjiż ikollu 500 charging point u mill-inqas 5,000 vettura elettrika reġistrata sal-2020.
Il-Ministru spjega li permezz ta’ din is-sistema l-ġdida, in-nies se jiffrankaw l-ispejjeż tal-manutenzjoni ta’ vettura personali, ladarba persuna tħallas skont kemm iddum tuża l-karozza.
Kompla jgħid li persuna tkun tista’ tagħmel użu minn waħda minn dawn il-vetturi billi tirriżerva vettura permezz ta’ mobile app, l-internet, jew permezz ta’ telefonata, u tista’ tiftaħ il-vettura permezz ta’ kard li tuża s-sistema tal-RFID (Identifikazzjoni bil-Frekwenzi tar-Radju).