Investiment ta’ €2.6 miljun fil-bini tal-iskejjel tal-Gvern

L-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) ħabbar f’rapport li mis-sena l-oħra ‘l hawn, in-nefqa kapitali tal-Gvern żdiedet b’€4.2 miljun għal €210 miljun, hekk kif il-Gvern investa fost l-oħrajn €2.6 miljun fuq il-bini tal-iskejjel u €1.8 miljun f’titjib fil-kostruzzjoni tat-toroq.
Ir-rapport juri wkoll li minn Jannar sa Settembru li għaddew, il-Gvern irreġistra surplus ta’ aktar minn €56 miljun.
Skont ir-rapport, id-dħul tal-Gvern fl-ewwel disa’ xhur ta’ din is-sena żdied b’iktar minn €346 miljun meta mqabbel ma’ l-istess perjodu s-sena l-oħra.
Mir-rapport jidher li d-dħul tal-Gvern żdied b’iktar minn 13% bis-saħħa ta’ iktar dħul mit-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT), li żdied b’€78.5 miljun, u mit-taxxa fuq id-dħul, li żdied b’€83.4 miljun.
L-NSO sabet ukoll li l-infiq totali tal-Gvern żdied b’iktar minn €226 miljun, li jfisser li l-Fond Konsolidat spiċċa minn fuq b’€120.1 miljun.
Il-Gvern jirreaġixxi għal din l-aħbar
Il-Ministru tal-Finanzi, Edward Scicluna, qal fi stqarrija li huwa ta’ inkoraġġiment għall-Gvern li l-bilanċ fil-Fond Konsolidat baqa’ jitjieb fuq il-bilanċ ferm tajjeb li kiseb is-sena l-oħra.
Huwa spjega li l-prestazzjoni tal-Gvern fl-ewwel disa’ xhur tas-sena kienet aħjar minn dik imbassra fil-Baġit.
Skontu, dan ir-riżultat se jkompli jissaħħaħ qabel joħroġ ir-riżultat fiskali tal-Gvern tal-aħħar tliet xhur tas-sena.