Investiment ta’ €2.5 miljun fir-riċerka kontra l-kanċer fis-sider

Is-Segretarji Parlamentari Chris Fearne u Ian Borg nedew software bħala proġett preventiv fil-kura tal-kanċer fis-sider.
Dan is-software bl-isem ta’ ImaGenX huwa ffinanzjat mill-fondi Ewropej, Malta Italja 2007-2013 b'investiment ta' €2.5 miljun.
Chris Fearne ħabbar ukoll li ċ-Ċentru tal-Iscreening introduċa klinika tal-evalwazzjoni tar-riskju tal-kanċer.
L-għan ta’ dan is-servizz ġdid huwa li jsir studju u assessjar tar-riskju tal-kanċer fis-sider.
Qal li dawk in-nisa li jattendu għall-iscreening u għandhom jew kellhom fil-familja, każi ta’ kanċer fis-sider se jkunu jistgħu jagħmlu dan l-assessjar.
Chris Fearne qal li matul l-2012 kien hawn 315-il każ ta’ kanċer fis-sider filwaqt li 80 mara mietu minħabba dan il-kanċer.
Enfasizza li jekk il-kanċer fis-sider jinstab fi stadju bikri, l-kura għandha rata ta’ suċċess qawwija aktar minn 95%.
Kull sena fiċ-Ċentru tal-Iscreening jattendu mal-14,000 mara li jiġu mistiedna biex jagħmlu screening tas-sider. 
Waqt l-intervista tal-ġimgħa fuq Newsbook.com.mt, il-Kap taċ-Ċentru kien enfasizza li l-iscreening qed ikun ta' suċċess biex il-kanċer jinqabad kmieni.

Ritratt: DOI – Reuben Piscopo