Investiment ta’ €15-il miljun fl-immodernizzar tal-klassijiet

Id-Deputat Prim Ministru Louis Grech ħabbar investiment ta’ €15-il miljun għall-immodernizzar tal-klassijiet.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet flimkien mal-Ministru Evarist Bartolo u s-Segretarji Parlamentari Ian Borg u Josè Herrera, Louis Grech qal li aktar minn 7,000 laptop ġodda se jinxtraw għall-għalliema, l-LSAs u l-Kindergarten Assistants b’investiment ta’ €7 miljun.
Ix-xiri tal-laptops jinkludi wkoll service agreement.
Dan l-investiment fl-edukazzjoni jinkludi wkoll 3,200 kompjuter all-in-one bit-touchscreen, li se jiġu nstallati fil-klassijiet tal-iskejjel primarji u sekondarji u jinkludi wkoll 4 miljun għal networks ġodda.
Dan se jsaħħaħ id-distribuzzjoni tad-data speċjalment meta f’Settembru se jibdew jitqassmu t-tablets fl-iskejjel.
Matul il-konferenza tal-aħbarijiet intqal li se jinxtraw 3D printers u scanners kif ukoll mal-100 interactive whiteboard ġodda.
€12-il miljun minn dan l-investiment qed isir permezz ta’ fondi tal-Unjoni Ewropea.
Louis Grech qal li dan huwa l-ikbar investiment dirett li sar fl-iskejjel mill-2011 meta sar investiment ta’ €11-il miljun fl-interactive whiteboards.
Id-Deputat Prim Ministru enfasizza li l-edukazzjoni hija essenzjali għas-soċjetà u li kull tifel u tifla għandhom dritt li jingħataw edukazzjoni.

Ritratt: DOI – Omar Camilleri