Investiment ta’ €90,000 għar-riġenerazzjoni tal-Ġnien San Girgor fiż-Żejtun

Ritratt: DOI - Clodagh O'Neil

Ġie inawgurat proġett ta’ riġenerazzjoni tal-Ġnien San Girgor fiż-Żejtun li huwa parzjalment iffinanzjat b’fondi Ewropej. 

F’dan il-proġett sar tħawwil ta’ siġar indiġeni, ġiet installata żona bit-turf naturali, kif ukoll żdiedu l-bankijiet u gazebo li ġew magħmula minn materjal riċiklabbli li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent.

Preżenti għall-inawgurazzjoni kien hemm il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali José Herrera flimkien mas-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi.

 Il-Ministru Herrera faħħar lill-Kunsill Lokali li qed jutillizza dawn il-fondi sabiex għamel dan il-proġett ambjentali li se jservi għal spazju rikreattiv għan-nies tal-madwar.

Is-Segretarju Parlamentari Zrinzo Azzopardi spjega kif dan il-proġett sar b’investiment ta’ aktar minn €90,000, fejn €57,870 ġew iffinanzjati b’ fondi Ewropej.

Is-Sindku taż-Żejtun, Doris Abela, minn naħa tagħha, qalet li permezz ta’ dan it-tisbiħ parti minn dan il-ġnien li kienet mitluqa, inbidlet fi spazju miftuħ sabiex isservi bħala post ta’ rikreazzjoni għaż-Żwieten.