Investiment ta’ €100,000 fl-inħawi tal-Knisja ta’ San Pawl fir-Rabat

MTIP

Se jkun qed isir investiment ta’ €100,000 fl-inħawi tal-Knisja Kolleġġjata u Proto-Parrokjali ta’ San Pawl fir-Rabat, Malta.

Fi stqarrija l-Ministeru għall-Infrastruttura qal li l-proġett jinkludi t-tisħiħ tal-art b’sodda tal-konkos, titjib ta’ numru ta’ kanali tal-ilma tax-xita mal-ġenb tat-triq, u kisi ta’ din iż-żona pedonali b’pavimentar ġdid magħmul minn ċangaturi tal-ġebel tal-qawwi li huwa simili ta’ dak li hemm f’żoni oħra taz-zuntier. Ix-xogħol se jkun qed jiġi implimentat minn Infrastructure Malta u mistenni jibda fil-ġranet li ġejjin.

Il-Ministru Ian Borg qal li l-Gvern qed jinvesti fil-kwalità tal-ħajja tal-komunità filwaqt li jtejjeb il-faċilitajiet infrastrutturali għar-residenti li għaddu minn din iż-żona.