Investiment ta’ €1 miljun fuq manutenzjoni tal-Breakwater tal-Port il-Kbir

Ricasoli-breakwater-construction
Miguela Xuereb

Il-Ministru għall-Infrastruttura Ian Borg żar il-Breakwater tal-Port il-Kbir fejn għaddejjin xogħlijiet ta’ manutenzjoni u tiswija minn Infrastructure Malta b’investiment ta’ €1 miljun.

Il-Ministru Borg qal li l-istruttura, li hija maqsuma f’parti twila 370 metru u f’parti ta’ 120 metru, inbniet fl-1910 u tul 110 snin, l-elementi qalgħu numru ta’ knatan li joħolqu r-riskju li aktar ġebel jittiekel u l-ħsarat li jsiru ma jkunux jistgħu jissewwew. Is-sajf li għadda, Infrastructure Malta bdiet tibdel l-elementi nieqsa flimkien ma’ xogħol ieħor ta’ manutenzjoni u restawr fuq din l-infrastruttura kostali importanti. Huwa sostna li dan il-proġett huwa essenzjali hekk kif din l-infrastruttura marittima hija element kruċjali għall-Port il-Kbir.

Fost ix-xogħlijiet fuq il-Breakwater tal-Port il-Kbir, tim ta’ għaddasa u ħaddiema oħra ġabru l-ġebel oriġinali li kien waqa’ fil-baħar tal-madwar tul is-snin. Dawn ġew imnaddfa u spezzjonati, u dak li seta’ jerġa’ jintuża tpoġġa f’postu mat-tarf tal-breakwater, filwaqt li ġie impurtat ġebel simili minn barriera fi Trani, Puglia biex jieħu post dak li kien imkisser. Għaddej ukoll xogħol ta’ tiswija fuq iċ-ċangaturi tal-gverta u tindif ta’ tbajja tal-qatran u materja oħra.

Ix-xogħol jinkludi wkoll manutenzjoni fuq il-pont li jgħaqqad in-naħa tal-breakwater ta’ Sant’Iermu mal-Belt. Dan il-pont kien jeżisti fl-1910 iżda tkisser minn bastimenti Taljani waqt it-Tieni Gwerra Dinjija. Tmien snin ilu inbena pont simili fl-istess post u bħalissa għaddejja tiswija u xogħol ta’ żebgħa ġdida fuq l-istruttura tal-ħadid u tibdil ta’ partijiet tal-gverta tal-injam li fihom il-ħsara. Se jiġu mwaħħla poġġamani ġodda u sistema u konnessjonijiet tad-dawl aħjar.

Jekk it-temp jippermetti, ix-xogħol kollu fuq dan il-proġett jitlesta sal-aħħar tas-sena.