Investiment ta’ aktar minn €1,500,000 għar-restawr tal-Università l-Antika

DOI - Kevin Abela

Il-Ministeru għall-Kultura qal li bħalissa qed isir xogħol ta’ restawr estern tal-bini tal-Università l-Antika b’valur ta’ aktar minn €1,500,000.

Fi stqarrija, il-Ministeru qal li meta jitlesta l-proġett, se jkun jiġi restawrat total ta’ 8190 metru kwadru. Is-somma ma tinkludix l-investiment fix-xogħlijiet interni, li l-ewwel tenders għandhom jinħarġu lejn l-aħħar ta’ din is-sena għal din il-fażi.

Il-Ministru għall-Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnci żar ix-xogħlijiet ta’ restawr li qed isiru.

“B’dan l-investiment, mhux biss qegħdin nippreservaw waħda mill-binjiet prinċipali li jinsabu fil-belt kapitali storika tagħna, imma qegħdin ukoll niżguraw it-tisħiħ tal-identità nazzjonali kulturali tagħna permezz tal-preservazzjoni ta’ post monumentali,” qal Bonnici.

Dan il-proġett iħares lejn ir-restawr tal-Knisja tal-Ġiżwiti u l-Binja tal-Università l-Antika.

Bħalissa għaddej ix-xogħol fuq il-faċċata li tħares lejn Triq Merkanti, b’restawr tal-faċċata li tinsab fi Triq San Kristofru jinbeda fil-ġimgħat li ġejjin.

Ir-restawr huwa mistenni li jitlesta sal-aħħar tas-sena d-dieħla.