Aġġornata: VGH: “Kollox ippjanat minn qabel biex ifalli u jieħdu l-flus”

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li l-bejgħ tal-isptarijiet kien kollu ppjanat minn qabel biex il-ftehim ifalli u għax qal li meta jfalli kienu se jagħmlu l-flus. Semma l-figura żvelata ta’ €80 miljun li l-Gvern irid iħallas biex jieħu lura l-isptarijiet.
Dwar dak li qal il-Ministru Chris Fearne li Steward huma professjonali fis-servizz li joffru, Delia għamel numru ta’ mistoqsijiet u staqsa x’ħolqa hemm bejn Vitals u l-Gvern. Staqsa wkoll dwar liema ftehim se jurih il-Ministru, meta fil-Parlament qal li se juri l-ftehim lill-Kap tal-Oppożizzjoni.
"Investiment fl-edukazzjoni dejjem tajjeb, imma l-AUM hija serqa"
F’san Pawl il-Baħar, Adrian Delia qal li l-investiment fl-edukazzjoni huwa dejjem tajjeb, imma l-proġett tal-Università Amerikana ta’ Malta (AUM) hija serqa.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li għalkemm huwa pożittiv li investiment fl-edukazzjoni jsir, huwa ta’ sfortuna li ma sarx minn investituri b’esperjenza edukattiva imma minn kuntrattur. Saħaq li huwa pożittiv ukoll li l-invesitment se jsir fin-nofsinhar ta’ Malta iżda qal li dan huwa serqa jew spekulazzjoni fuq art Maltija. Spjega li l-art taż-Żonqor hija “art tal-Maltin” u li għandha tibqa’ art tal-Maltin.
Dwar l-investiment fl-edukazzjoni, Adrian Delia saħaq li l-edukaturi ma ħadux dak li ħaqqhom għax qal li l-edukaturi stess qalu li l-Gvern daħaq bihom. 
“L-MEPs kitbu dwar dak li nawwar il-pedamenti tal-ġustizzja”
Fi kliem il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, ir-rapport li ħejjew il-Membri Parlamentari Ewropej dwar Malta ifisser li tkellmu dwar dak kollu li nawwar il-pedamenti tal-ġustizzja f’Malta.
Xejjen għal kollox dak li qed jgħid il-Partit Laburista meta jgħid li l-Partit żnazzjoalista qed ixewwex kontra Malta mal-barranin.
Adrian Delia qal li l-Gvern jaf li f’dan il-qasam, ir-reputazzjoni ta’ Malta qiegħda fin-nofs. Spjega wkoll dwar dak li sejħilhom il-pedamenti tal-ekonomija Maltija fosthom is-settur finanzjarju.
Delia qal li l-Gvern, b’għemilu qed “jipperikola l-aqwa impjiegi f’Malta”.
“Messaġġ politiku” għandu jinbidel f’messaġġ li jolqot il-ħajja tan-nies
Il-Kap tal-PN sostna li l-“messaġġ politiku” għandu jinbidel f’messaġġ li jolqot il-ħajja ta’ kuljum. Spjega huwa importanti li kulħadd jifhem dak li l-Partit Nazzjonalista qed jgħid, għax skont Adrian Delia, dan “jaffettwa lil kulħadd fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum”.
Aktar kmieni fl-istess attività tkellmu wkoll id-deputat Mario De Marco, l-eks-Sindku ta’ San Pawl il-Baħar Graziella Galea u l-eks-Kandidat tal-PN Errol Cutajar.
Il-PN jibqa’ bil-kultura ta’ aħna u huma
Il-Partit Laburista rreaġixxa għal partijiet mid-diskors tal-kap tal-Oppożizzjoni, meta qal li l-Partit Nazzjonalista baqa' jħaddan il-kultura ta' "aħna u huma".
"Għall-Oppożizzjoni ta' Adrian Delia, il-ftuħ uffiċjali tal-Belt Valletta bħala belt kapital tal-Kultura Ewropea, hi biss mertu tal-Partit Nazzjonalista", sostna l-PL.
Temm jgħid li b'differenza minn dan, il-PL jibqa’ jemmen li l-avvenimenti tal-Valletta 2018 huma mertu tal-Maltin u l-Għawdxin kollha.