Investiment Ċiniż fir-Radisson

Il-Grupp Ċiniż HNA ħabbar li se jkun qed jixtri l-kumpanija Carlson Hotels, proprjetarja tal-katina ta’ lukandi Radisson.
HNA Tourism Group, taqsima mill-Grupp HNA, se jixtri 100% tal-Carlson Hotels, għal ammont li ma kienx żvelat lis-suq.
Fl-aħħar xhur, kumpaniji Ċiniżi qed iwettqu investimenti sostanzjali f’lukandi u kumpaniji fis-settur turistiku, fosthom l-akkwist tal-kumpanija Franċiża Club Mediterranee minn Fosun International, u l-akkwist min-naħa ta’ Anbang Insurance tal-lukanda famuża Waldorf Astoria fi New York.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ HNA, Bai Haibo, qal li l-kumpanija kienet se tibni fuq l-isem rinomat tar-Radisson biex tistabbilixxi l-preżenza tal-kumpanija fis-suq Amerikan u tespandi l-preżenza tagħha fis-settur tal-ospitalità fuq livell internazzjonali.
Carlson Hotels topera mal-1,400 lukanda f’115-il pajjiż differenti, u tħaddem ‘il fuq minn 90,000 persuna.
Dan l-investiment qawwi minn kumpaniji Ċiniżi hu r-riżultat ta’ domanda batuta fiċ-Ċina kif ukoll frott imbuttatura politika bl-Istat ifittex li jappoġġja t-tisħiħ taċ-Ċina fuq livell globali. Is-sena li għaddiet, kumpaniji Ċiniżi investew aktar minn triljun dollaru barra miċ-Ċina.
Il-ftehim tal-akkwist tal-Carlson, li għadu suġġett għall-approvazzjonijiet regolatorji, mistenni jkun konkluż lejn it-tieni nofs ta’ din is-sena.
 
Airbus twissi…dewmien u spejjeż
Il-kumpanija li timmanifattura ajruplani Airbus wissiet li se jkun hemm żieda “notevoli” fi spejjeż ġodda marbuta mal-iżvilupp ta’ ajruplani għat-trasport militari, u dewmien biex tipprovdi l-ajruplan għal-passiġġieri l-ġdid A350.
Din l-aħbar wasslet flimkien ma’ tnaqqis ta’ 50% fil-profitti tal-kumpanija fl-ewwel kwart tas-sena. Dan wassal biex l-ishma tal-grupp aerospazjali niżlu 6%.
Tom Enders, il-Kap Eżekuttiv ta’ Airbus, ammetta li l-kumpanija kienet qed tesperjenza dak li ddeskriva bħala “stress industrijali” biex tlaħħaq mad-domanda rekord għal ajruplani kummerċjali filwaqt li ssaħħaħ il-programm ta’ difiża.
Il-kumpanija għandha mira li tipproduċi 50 ajruplan A350 in is-sena – flimkien ma’ aktar minn 600 ajruplan ieħor ta’ mudelli eżistenti.
Fir-rigward tal-iżvilupp tat-teknoloġija militari, Airbus diġà waħlet multi miljunarji għad-dewmien reġistrat fuq il-programm tal-A400m.
Is-sena li għaddiet il-kumpanija rreġistrat qliegħ ta’ qabel it-taxxa ta’ ta’ 4.1 biljun. Filfatt, l-ordnijiet għall-ewwel tliet xhur ta’ din is-sena ammontaw għal 7 biljun dollaru, meta mqabbel ma’ 21 biljun dollaru fl-istess perjodu s-sena li għaddiet.
Tħassib ieħor għall-kumpanija huwa l-fatt li minkejja l-ordinijiet jinsabu f’livelli għoljin, l-interess għall-A350 il-ġdid ma kienx daqs kemm mixtieq, u l-kotba tal-ordnijiet għall-2017 u l-2018 għadhom ma laħqux il-livelli mistennija.
Madankollu, il-kumpanija esprimiet il-fiduċja tagħha li se tkun kapaċi tegħeleb dawn l-isfidi, bil-Kap Eżekuttiv jammetti li Airbus jista’ jkollha tirrikori għas-suq kummerċjali biex tiffinanzja wħud mill-proġetti attwali tagħha.
 
Profitt Rekord
Ford irreġġistrat l-aktar kwart tas-sena li ħalla profitt, grazzi għal dħul ogħla mill-Amerika ta’ Fuq u prestazzjoni aħjar milli mistennija fl-Ewropa. Dan wassal biex id-dħul nett tal-kumpanija żdied b’aktar mid-doppju minn $1.15 biljun għal $2.45biljun.
Din il-qabża hija fil-parti l-kbira riflessjoni ta’ bejgħ rekord fl-Istati Uniti u l-Kanada, b’mod partikolari ta’ vetturi sports utility, li reġgħu żiedu fil-popolarità grazzi għat-tnaqqis fil-prezz tal-fuel. Ferm popolari kien ukoll il-pick-up truck F150. Il-bejgħ ta’ vetturi fl-Istati Uniti s-sena li għaddiet kiber b’20% – total ta’ 814,000 karozza.
Fl-Ewropa, il-kumpanija gawdiet mill-popolarità tal-SUVs, u reġistrat kważi nofs biljun profitt fl-ewwel tliet xhur tas-sena. Dan wassal biex il-bejgħ żdied b’6%, għalkemm id-dħul kien relattivament aktar limitat minħabba s-saħħa tad-dollaru.
L-unika suq negattiv għal Ford kien tal-Amerika t’Isfel, sforz ir-riċessjoni li qed tolqot il-Brażil u l-iżvalutr tal-munita tal-Arġentina.
Il-kumpanija qed tgawdi wkoll minn invesitmenti rivoluzzjonarji li għamlet fl-aħħar snin biex isaħħaħ il-prestazzjoni tal-vetturi u żżid l-effiċjenza fl-użu ta’ fuels.
 
Dan l-artiklu huwa miġjub lilkom minn MPM Capital Investments Ltd – www.mpmci.net , Tel. 21493250. Tista' tirċievi l-artiklu b'xejn billi tibgħat email fuq info@mpmci.net
L-informazzjoni u l-ħsibijiet inklużi fl-artiklu huma provduti għal skop ta’ edukazzjoni u informazzjoni biss u m’għandhomx jiġu kkunsidrati bħala parir ta’ investiment.