“Investigazzjonijiet dwar korruzzjoni fl-Italja laqqgħuni ma’ Maltin” – Di Pietro

L-eksmaġistrat kontra l-korruzzjoni, Antonio di Pietro, f’intervista esklussiva waqt il-programm Newsline fuq RTK, irrimarka li l-investigazzjonijiet li kien għamel snin ilu dwar il-korruzzjoni fl-Italja, laqqgħuh ma’ Maltin u kumpaniji f’Malta.
Di Pietro semma kif kien hemm żmien li kien fil-lista ta’ dawk il-persuni biex jinqatel mill-mafja, u għaldaqstant kellu jaħrab mill-pajjiż u hu u familtu għexu għal xi żmien fil-Kosta Rika. Stqarr li sa din il-ġimgħa kien għadu qed jirċievi theddid fuq ħajtu.
L-eksmaġistrat magħruf għall-ħidma kontra l-korruzzjoni f’pajjiżu bl-isem ta’ Mani Pulite, se jkun il-kelliem ewlieni fil-protesta għall-ġustizzja li se ssir għada fil-Belt Valletta, organizzata min-Netwerk tas-Soċjetà Ċivili.
 “L-Ewropa komda bit-tax havens” – di Pietro
Waqt Newsline, Di Pietro enfasizza li l-problema mhix il-pajjiżi meqjusa tax havens – inkella ġenna għal min irid jiżgiċċa mit-taxxa – iżda l-pajjiżi ewlenin tal-Ewropa li “donnhom komdi bl-eżistenza tagħhom”.
Huwa sostna li tul il-karriera professjonali tiegħu nnota li l-komunità internazzjonali tagħti daharha lil dawn l-istrutturi tat-taxxi f’dawn il-pajjiżi, u ta x’jfhem li tagħmel hekk għax jaqblilha.
Skont di Pietro, jaqblilha għax huma l-politiċi f’dawn l-istess pajjiżi li jittrasferixxu flushom biex jaħbuhom fihom, flus li f’xogħlu tgħallem li ħafna drabi jintużaw biex imantnu prattiċi korrotti.
Kompla jenfasizza li kieku jridu verament, il-pajjiżi b’saħħithom fl-Ewropa mill-ewwel iwaqqfu dawn it-tip ta’ manuvri illeċiti, u anki illegali.
Fost l-oħrajn semma kif dawn jistgħu jiltaqgħu fuq mejda u jiftiehmu li kollha flimkien iwaqqfu l-kummerċ u l-finanzi lil kull pajjiż li ma jimxix mar-regoli internazzjonali tat-trasparenza.
Madankollu ma’ dan żied jgħid, li l-pajjiżi Ewropej donnhom jaslu biss sal-ftaħir li huma trasparenti, u l-politiċi tagħhom stess li, fi kliem di Pietro, jagħmluha tal-verġni f’pajjiżhom, iġibu ruħhom mod ieħor f’pajjiżi barranin.
Biex jagħti eżempju semma raħal fl-Ewropa li fih hemm aktar banek milli nies. Tenna li l-eżistenza ta’ dawn it-tax havens allura togħġobhom lil dawn il-politiċi, għax jistaħbew waħedhom.
Finalment jitlob lil dawn l-organizzazzjonijiet kbar, bħan-Nazzjonijiet Magħquda u l-Unjoni Ewropea, fost entitajiet oħra, biex jagħtu sehemhom.
Fil-protesta tal-Ħadd, flimkien ma’ di Pietro se jitkellmu l-kittieb Immanuel Mifsud, il-ġurnalista Caroline Muscat, l-attivista tan-Netwerk tas-Soċjetà Ċivili Miriam Galea u l-ġurnalista investigattiva Taljana Marilu Mastrogiovanni.