Inkjesta kriminali fuq l-avukat li ftaħar b’rabtiet mal-Gvern

Enquête exclusive

Read in English.

Il-Qorti ordnat inkjesta kriminali fuq l-avukat Jean Philippe Chetcuti ta’ Chetcuti Cauchi Advisors Limited u Chetcuti Cauchi Consulting Limited, biex jiġi stabbilit jekk dan ikkommettix reat meta nqabad fuq filmat jgħid li jista’ jirranġa biex persuna b’rekord kriminali jkun jista’ jixtri l-passaport Malti.

Il-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo laqgħet it-talba tal-għaqda mhux governattiva Repubblika biex tinfetaħ inkjesta kriminali fuq Chetcuti kemm fil-kapaċità tiegħu personali kif ukoll fil-kapaċità tiegħu bħala d-direttur tad-ditta legali.

It-talba kienet saret wara li xxandar programm ġurnalistiku Franċiż bl-isem ta’ Enquête exclusive.

Aqra: Aġenti taċ-ċittadinanza Maltija jiftaħru b’rabtiet mal-Gvern

Ġurnalist Franċiż kien għamilha taparsi rappreżentat ta’ raġel Afrikan li xtaq jixtri l-passaport Malti. B’kamera moħbija huwa kien iltaqa’ ma’ rappreżentati ta’ Chetcuti Cauchi. L-avukat kien fost affarijiet oħra ftaħar b’rabtiet li għandu ma’ membri tal-Kabinet u l-Prim Ministru Joseph Muscat minn żmien l-iskola.

Aqra: Il-PM ma jippublikax l-ittra ta’ sospensjoni ta’ Chetcuti Cauchi

Chetcuti kien inqabad jgħid ukoll li s-Segretarju Parlamentari Julia Farrugia Portelli li hi responsabbli mill-bejgħ ta’ ċittadinanza hi qrib ta’ martu, filwaqt li l-Ministru tal-Ġustizzja Owen Bonnici kien jaħdem fid-ditta legali tiegħu.

L-avukat kien qed jiftaħar biex juri lit-taparsi rappreżentat tal-klijent Afrikan li jista’ jirranġalu għall-passaport minkejja li teoratikment il-klijent fittizju ma kienx jgħaddi mill-proċess ta’ due diligence hekk kif mitlub mil-liġi. Chetcuti fuq il-filmat kien inqabad jissuġġerixxi li dan jaf ma jkunx il-każ.

L-għaqda mhux governattiva Repubblika kien ressqet talba biex tinfetaħ inkjesta maġisterjali biex jiġi stabbilit jekk kienx hemm tixħim jew abbuż mill-pożizzjoni tiegħu.

L-avukat Jason Azzopardi deher għall-għaqda Repubblika.

Ġabet fix-xejn argumenti kontra l-istituzzjonijiet” – PL

F’reazzjoni, il-Partit Laburista qal li din id-deċiżjoni tal-Qorti ġġib fix-xejn il-kampanji li qed isiru mill-Partit Nazzjonalista u esponenti tiegħu biex jattakkaw l-istituzzjonijiet u l-pajjiż. Żied jgħid li din hija konferma oħra li tixhed li l-istituzzjonijiet jaħdmu f’indipendenza.