Investigazzjoni ġdida fil-konfronti ta’ John Dalli – Rapport fin-New York Times

Rapport li qed jidher fuq is-sit elettroniku ta’ The New York Times jgħid li uffiċjali tal-Unjoni Ewropea nedew investigazzjoni ġdida b’rabta mal-każ tal-ex Kummissarju Ewropew John Dalli.

Ir-rapport jgħid li din l-investigazzjoni tnediet il-Ħamis li għadda fl-isfond tal-każ tal-korruzzjoni fir-regolamenti Ewropej tat-tabakk, li fil-qalba tagħha hemm allegatament John Dalli.

Min-naħa tiegħu l-ex Kummissarju Malti ċaħad li huwa għamel xi ħaġa illegali.

Din l-investigazzjoni mill-Uffiċċju Ewropew ta’ kontra l-Frodi qed tiffoka l-aktar fuq żewġ titjiriet li John Dalli allegatament għamel lejn il-gżejjer tal-Karajbi s-sena l-oħra.

F’dak iż-żmien huwa kien għadu qed jokkupa l-kariga ta’ Kummissarju Ewropew responsabbli mill-Konsumatur u s-Saħħa. 

Dan l-uffiċċju qal li qed ifittex elementi ġodda li ħarġu minn rapporti internazzjonali fil-mezzi tax-xandir.

Għalkemm dan l-uffiċju ma jmexxiex investigazzjonijiet kriminali, is-sejbiet tiegħu jistgħu jwasslu għal sanzjonijiet kontra impjegati tal-Unjoni Ewropea, fosthom multi u tkeċċijiet. 

L-uffiċċju jista’ wkoll jgħaddi l-informazzjoni li tinstab lill-awtoritajiet nazzjonali li jekk jiġu kkonfermati fil-qrati, jistgħu jwasslu għal sanzjonijiet kriminali.

Ir-rapport tal-gazzetta ta’ New York Times jgħid li l-pulizija Maltija ma riditx tikkummenta permezz tat-telefown dwar dan il-każ. L-emails li ntbagħtu lill-Pulizija ta’ Malta kienu għadhom mhux imwieġba.

Il-gazzetta Amerikana kkuntattjat lil John Dalli bit-telefon li min-naħa tiegħu ma riedx jikkummenta għaliex qal li ma kien infurmat bl-ebda investigazzjoni ġdida.

Dalli qal lill-gazzetta New York Times li għadu lanqas ma ġie infurmat dwar fiex waslu l-azzjonijiet legali tiegħu fil-Qorti Ewropea.

Segwi dan il-link għar-rapport ta' The New York Times.