Investigazzjoni fuq il-każ tal-vapur MV Kertu

It-Taqsima tal-Investigazzjonijiet tas-Sigurtà Marittima bdiet tinvestiga l-każ l-għarqa tal-vapur Kertu li huwa rreġistrat f’Malta.
Il-każ seħħ fin-nofsinhar tal-arċipelagu ta’ Stokkolma fl-Iżvezja.
Il-vapur Kertu inbena fl-1996 u f’dan l-inċident ma ġewx irrappurtati mwiet.
Id-disa’ membri tal-ekwipaġġ abbord il-vapur ġew evakwati mill-gwardjani kostali Żvediżi.
Rapporti preliminari jindikaw li daħal ammont konsiderevoli ta’ ilma baħar fil-ħażna tal-vapur filwaqt li saret ħsara estensiva fil-bunker tanks.
Fil-preżent tinsab għaddejja ħidma biex il-vapur jiġi salvat u jitneħħa kull periklu ta’ inkwinament tal-baħar.
Id-Direttorat fi ħdan Transport Malta u t-Taqsima tal-Investigazzjonijiet tas-Sigurtà Marittima jinsabu f’kuntatt mas-sidien tal-vapur biex jibqgħu infurmati fuq din is-sitwazzjoni.