Aġġornata: Tinfetaħ investigazzjoni dwar każ ta’ stupru f’dar tal-anzjani

Google Maps

Il-Pulizija qed tinvestiga każ ta’ allegat stupru f’dar tal-anzjani fl-Imtarfa.

Kelliem għall-Pulizija qal ma’ Newsbook.com.mt li r-rapport dwar il-każ daħal għall-10 am dalgħodu. Qal li l-każ allegatament seħħ fi Triq l-Anzjani. Ma kellux aktar dettalji dwar il-każ u qal li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.

Id-dar li fih allegatament seħħ il-każ iservi bħala ċentru ta’ matul il-jum għall-anzjani. Hija amministrata mill-gvern.

Fi stqarrija, is-Segretarjat Parlamentari għall-Anzjanità Attiva qal li b’rabta ma’ rapporti dwar “allegat każ ta’ abbuż” qed issir investigazzjoni mill-Pulizija wara li l-amministrazzjoni tal-istess residenza għamlet rapport.

Skont is-Segretarjat, “id-Dipartiment għall-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità qiegħed jieħu dan l-każ b’serjetà kbira billi jagħti l-appoġġ neċessarju lill-allegat vittma u jibqa’ jsegwi mill-qrib kull żvilupp.”

Is-Segretarjat kompla jgħid li ma jaċċetta ebda tip ta’ abbuż u li se jara li jkun hemm kooperazzjoni sħiħa mal-investigazzjoni tal-Pulizija.

Newsbook.com.mt bagħat numru ta’ mistoqsijiet dwar il-każ lill-Gvern.