Investigazzjoni dwar ajruplan li kellu jieqaf ħesrem milli jtir

Għaddejja investigazzjoni dwar każ li seħħ ilbieraħ fl-Ajruporti internazzjonali ta’ Malta meta ajruplan tal-Air Malta kellu jieqaf ħesrem fuq ir-runway meta kien diġà tella’ l-veloċità biex itir.
Ma’ Newsbook.com.mt, kelliem għal-Linja Nazzjonali tal-Ajru kkonferma l-każ li seħħ ilbieraħ fis-7:35am meta ajruplan kien se jħalli Malta lejn Ruma.
L-istess kelliem ikkonferma li għaddejja investigazzjoni dwar x’wassal eżatt biex l-ajruplan iwaqqaf ħesrem it-tluq tiegħu.
Il-kelliem qal li l-pilota waqqaf it-tluq tiegħu immedjatament meta ajruplan ieħor kien fl-ajru, viċin ħafna tar-runway.
Passiġġieri li tkellmu mat-Times of Malta qalu li l-pilota informa lill-passiġġieri b’din ir-raġuni.
Minkejja l-iskoss li ħa l-ajruplan, il-kelliem ikkonferma wkoll li ma kien hemm l-ebda passiġġiera li weġġgħu.
Kif inhu l-proċedura, l-ajruplan ġie ggwidat ‘il barra mir-runway fejn ġie spezzjonat mill-enġiniera qabel ma ħalla Malta.

Ritratt: Mill-Arkivji