“Investigawna, m’għandniex x’naħbu” – Il-Grupp db dwar is-sit ta’ Pembroke

Il-Grupp db ħeġġeġ lill-istituzzjonijiet biex jiftħu investigazzjoni fuq il-kuntratt tagħhom għas-sit fejn kien hemm l-ITS f’Pembroke, li huma se jiżviluppawh f’torri ta’ 38 sular u lukanda ta’ 17-il sular, wara li dan għadda mill-Awtorità tal-Ippjanar f’Settembru li għadda. Il-Grupp db insista li m’għandux x’jaħbi u stieden lill-Membru Parlamentari Simon Busuttil biex jgħaddi kwalunkwe informazzjoni li għandu lill-Maġistrat jew lill-Pulizija.

Fi stqarrija ffirmata mill-Kap Eżekuttiv tal-Grupp db, Arthur Gauci, il-Grupp saħaq li l-kuntratt tiegħu għas-sit tal-ITS huwa trasparenti, u li l-insistenza fuq investigazzjoni tal-eks Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil fil-Parlament nhar it-Tnejn li għadda hija waħda bla bażi. Il-Grupp qal li fil-każ tagħhom, il-prezz tas-sit għadda għall-ewwel darba minn taħt idejn kumpanija tal-awditjar, Deloitte, li qalet li kien prezz ġust. Għaldaqstant, il-Grupp db qal li hu lest li jikkopera jekk issir investigazzjoni fuq il-każ.

Il-Grupp sostna li tant m’għandux x’jaħbi, li laqa’ l-konferma tal-Kummissarju Ewropew għall-Kompetizzjoni, Margrethe Vestager, li l-proċedura li saret kienet konformi mar-regolamenti tal-Unjoni Ewropea. Barra minn hekk, il-Grupp qal li huwa stieden lill-politiċi u l-ġurnalisti biex jaraw il-kuntratt in kwistjoni.

Dan wara li lbieraħ, it-tribunal tal-appelli tal-Awtorità tal-Ippjanar ordna li jiġi sospiż ix-xogħol fuq il-proġett tat-torri u l-lukanda f’Pembroke tal-Grupp db sakemm jiġi konkluż l-appell pendenti kontra dan l-iżvilupp, li mistenni jieħu sa Marzu li ġej.

Kien hemm total ta’ 17-il appellant li jinkludu residenti, għaqdiet mhux governattivi u tliet kunsilli lokali – Pembroke, San Ġiljan u s-Swieqi. Dan l-appell kien possibbli b’kampanja ta’ ġbir ta’ fondi li bdiet fis-7 ta’ Ottubru u li matulha nġabru €24,350. Il-mira ta’ €15,000 inġabret fl-ewwel erbat ijiem tal-kampanja.