Investigaw lil Joseph Portelli u l-Awtorità tal-Ippjanar – PD

Miguela Xuereb

Read in English.

Il-Partit Demokratiku kiteb ittra lill-Aġent Kummissarju tal-Pulizija Carmelo Magri biex jiġu investigati l-iżviluppatur Għawdxi Joseph Portelli u l-Awtorità tal-Ippjanar, għaliex skont il-PD, wasal iż-żmien li n-negozjanti f’Malta u Għawdex jieqfu jippruvaw jiddettaw x’jagħmlu u ma jagħmlux il-politiċi u l-istituzzjonijiet.

Fi stqarrija ffirmata mill-Kap tal-PD Timothy Alden, il-PD spjega li tul l-aħħar ġimgħat, kif ġie rrappurtat minn Times of Malta, Joseph Portelli beda juża dikjarazzjonijiet foloz li huwa s-sid biex isir żvilupp kbir fil-Qala, u dan sabiex jevita li jkun hemm Assessjar tal-Impatt fuq l-Ambjent. Dan billi hemm sitt applikazzjonijiet separati biex isir żvilupp fuq medda ta’ 30,000 metru kwadru ta’ art.

Ir-rapport tat-Times jgħid li fiż-żewġ applikazzjonijiet li ġew approvati t-Tlieta tal-ġimgħa li għaddiet, li kienu mniżżlin taħt bint Portelli u s-sieħeb tiegħu fin-negozju, l-applikanti ddikjaraw li huma s-sidien waħdiena tas-sit kollu kif indikat fil-pjan tas-sit. Times of Malta żvelat li l-art hija fil-fatt taħt enfitewsi mill-kumpanija Carravan Company Limited, li s-sidien tagħha huma l-avukat Għawdxi Carmelo Galea, Dei Conti Holdings Limited u Carrac Limited.

Il-Kummissjoni tal-Ippjanar kellha tieħu deċiżjoni fuq dan il-proġett fit-28 ta’ Jannar, iżda wara li ħareġ ir-rapport tat-Times fit-13 ta’ Jannar, il-Kummissjoni mexxiet din id-deċiżjoni fuq l-aġenda tagħha għall-14 ta’ Jannar.

“Huwa evidenti li jaf ikun hemm korruzzjoni fl-ogħla livelli fl-Awtorità tal-Ippjanar, flimkien ma’ azzjoni jew attentat kriminali potenzjali fil-każ ta’ Joseph Portelli u l-iżvilupp tiegħu,” tgħid l-istqarrija.

Għaldaqstant, il-PD talab li dan il-każ jiġi investigat.

L-iżviluppatur Għawdxi huwa wkoll is-sid ta’ żvilupp ieħor kontroversjali għal villa fil-Qala, li l-ERA qiegħda tappella l-permess li nħareġ mill-Awtorità tal-Ippjanar biex tinbena.