“Investigaw lil Cini” – rapport Egrant

Read in English.

Waħda mir-rakkomandazzjonijiet tar-rapport Egrant li sar mill-Maġistrat Aaron Bugeja jixħet il-lenti fuq Karl Cini minn Nexia BT. Ir-rapport jgħid li hemm diskrepanzi fit-testimonjanza li ta Cini, li skont ir-rapport, għandu jiġi investigat mill-Kummissarju tal-Pulizija, peress li dawn id-diskrepanzi jaf juru ġurament falz.

Cini kien dak responsabbli biex infetħu l-kumpaniji sigrieti ta’ Panama ta’ Keith Schembri u Konrad Mizzi, kif ukoll tal-kumpanija Egrant, li sidha għadu mhux magħruf. L-inkjesta kienet ikkonkludiet li ma kien hemm ebda provi li Egrant kienet ta’ Michelle Muscat jew tal-Prim Ministru.

Mhux il-konklużjonijiet kollha ġew ippubblikati

Il-konklużjonijiet ewlenin tar-rapport ġew ippubblikati fit-22 ta’ Lulju, 2018.

Dawn il-konklużjonijiet u informazzjoni oħra fuq ir-rapport saru disponibbli għall-pubbliku wara li ġie ppubblikat ir-rapport sħiħ mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia llejla. Issa jidher illi apparti l-konklużjonijiet ewlenin li kienu ġew ippubblikati, kien hemm konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet oħra li ma ġewx ippubblikati, fosthom 50 paġna ta’ rakkomandazzjonijiet u konklużjonijiet. Waħda minn dawn ir-rakkomandazzjonijiet tgħid li Karl Cini għandu jiġi investigat.

Inkonsistenzi minn Cini

Filwaqt li Cini qal lill-Maġistrat Inkwirenti li hu kien waqqaf tliet kumpaniji f’Panama, iżjed investigazzjoni minn Harbinson Forensics ikkonkludiet li Cini kien waqqaf ukoll il-kumpanija Real Trade Investments Global Corporation f’Panama, u hux fil-Gżejjer Verġni Brittaniċi, kif qal hu fit-testimonjanza tiegħu. Ħareġ ukoll illi Cini ta informazzjoni kontradittorja u ma semmiex il-kumpaniji kollha li waqqaf fil-Gżejjer Verġni Brittaniċi.

Fir-rigward ta’ Nexia BT, jidher illi l-maġġoranza tal-impjegati ma kinux involuti peress li, skont ma qal Brian Tonna, ħafna mix-xogħol relatat ma’ klijenti barranin kien jieħu ħsiebu Karl Cini.

Fost ix-xhieda li semgħet l-inkjesta, kien hemm Daphne Caruana Galizia, Maria Efimova, Joseph Muscat, Michelle Muscat, Keith Schembri, Dr Konrad Mizzi, John Dalli, Brian Tonna, Karl Cini, Ali Sadr Hasheminejad, Hamidreza Ghanbari, Claude-Ann Sant Fournier, Antoniella Gauci, u Pierre Portelli.