Investigaw jekk kienx hemm involviment ta’ partiti jew persuni politiċi – Repubblika

Read in English.

Wara li lbieraħ ġie żvelat allegat ksur tar-regoli tal-protezzjoni tad-data minn kumpanija li kellha rekordju tal-informazzjoni personali ta’ votanti Maltin, l-għaqda Repubblika talbet sabiex issir investigazzjoni mill-Pulizija. L-għaqda qalet li l-investigazzjoni għandha twassal “sabiex il-persuni involuti fl-imsemmija kumpanija jkunu mistħarrġa kif ukoll li tkun investigata r-relazzjoni ta’ tali persuni u aġir ma’ partiti politiċi u persuni fil-politika.”

Repubblika qalet dan f’ittra li bagħtet lill-Aġent Kummissarju tal-Pulizija, Carmelo Magri.

Persuna li ssegwi data breaches online qalet li database li kienet fiha 337,384 rekordju tal-informazzjoni personali ta’ votanti Maltin ġiet esposta online. L-informazzjoni tinkludi ismijiet, indirizzi, numru tal-karti tal-identità, u numri tat-telefon.

Intqal li l-Ministru għall-Ġustizzja Edward Zammit Lewis aċċerta ruħu li l-Kummissarju għall-Informazzjoni u Protezzjoni tad-Data Saviour Cachia jiskatta investigazzjoni skont il-liġi.

Repubblika sostniet li skont ir-rapport ta’ Times of Malta, l-informazzjoni personali ta’ madwar 75% tal-poplu Malti inżammet mill-kumpanija C-Planet IT Solutions u nkixfet fil-beraħ. Id-data tinkludi numri tal-karti tal-identita’, ismijiet, kunjomijiet, indirizzi, is-sess, numri tat-telephone, dati tat-twelid u affiljazzjoni politika. Repubblika qalet li l-istess ġurnal afferma li d-data oriġinat mill-Partit Laburista.

Kompliet tinsisti li d-dettalji tar-rapport huma serji u jqajmu suspetti li l-ġbir, iż-żamma u l-użu tal-informazzjoni hija waħda abbużiva u potenzjalment tammonta għal aġir kriminali. Qalet li fid-dawl ta’ dan, għandhom jittieħdu l-passi kollha meħtieġa sabiex l-allegazzjonijiet jiġu investigati mill-Korp tal-Pulizija u evidenza dwar aġir potenzjalment kriminali tiġi identifikata u ppreżervata.

L-ittra kienet iffirmata mill-President ta’ Repubblika, Prof. Vicki Ann Cremona.