Investigaw jekk intużawx fondi pubbliċi mill-midja ta’ partiti politiċi – CSN

Miguela Xuereb

Read in English.

In-Network għas-Soċjetà Ċivili (CSN) qed tħeġġeġ sabiex issir investigazzjoni fil-kuntratti tax-xogħol mogħtija fis-settur pubbliku lill-impjegati tal-Partit Laburista fi ħdan One Group.

Fi stqarrija, l-għaqda qalet li dan b’rabta mal-investigazzjonijiet dwar l-użu ta’ riżorzi pubbliċi wżati għal skopijiet partiġġjani. Ilbieraħ ħareġ kif il-Ministri u s-Segretarji Parlamentari jinsabu taħt investigazzjoni kriminali għall-użu mhux floku tal-fondi pubbliċi. Dan seħħ wara li investiagazzjoni li saret mill-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika fejn sab li erba’ Ministri wżaw il-fondi pubbliċi biex jiffinanzjaw il-profili personali tagħhom fuq Facbook.

Is-CSN qalet li ladarba l-Kabinett kollu jinsab taħt investigazzjoni kriminali rigward l-użu ta’ riżorsi pubbliċi għall-użu personali, għandha titqajjem il-kwistjoni tal-konsulenzi u rwoli mal-Gvern li jingħataw lill-ħaddiema tal-midja fi ħdan il-Partit Laburista.

L-għaqda qalet li huwa magħruf sew li l-akbar spejjeż li jaffaċċjaw iż-żewġ partiti stabbiliti huma l-ispejjeż tal-aġenziji tal-midja. Qalet li bosta impjegati tal-One Group fl-istess ħin igawdu kuntratti mas-settur pubbliku. Spjegat li b’hekk hemm lok biex ikun investigat jekk flejjes pubbliċi hux qed jissussidjaw aġenziji tal-midja ta’ partiti politiċi.

Irrimarkat kif f’Malta, in-nuqqas ta’ distinzjoni bejn partit u stat “qed toħloq tensjonijiet fit-topografija politika tal-pajjiż u tfixkel is-saħħa tal-midja indipenenti li jkollha tikkompeti mal-Gvern.” Is-CSN qalet li fl-aħħar snin, rapport internazzjonali lmentaw it-tnaqqis fil-libertà tal-istampa li baqgħet tmur għall-agħar wara l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.