“Investigaw il-kunflitt ta’ interess fil-proġett tal-Fortina” – PD

Il-Partit Demokratiku (PD) qed jitlob li jkun investigat il-kunflitt t’interess li hemm fil-pjanijiet tal-iżvilupp tal-Fortina. Skont stqarrija tal-PD, Fortel Company Ltd talbet lill-Awtorità tal-Ippjanar biex tibdel l-applikazzjoni minn waħda għal appartamenti lussużi għal blokka ta’ uffiċċji.

Il-PD stqarr it-tħassib tiegħu dwar il-fdil taċ-ċens li jidher li ingħata b’rata prefenzjali ta’ inqas mill-prezz tas-suq bħala inċentiv statali biex jiżdiedu l-proġetti turistiċi. Il-Partit qal li mhux sew li l-poplu jissussidja l-privat bit-taxxi tiegħu hekk kif jidher li  uħud mill-ispazji għall-uffiċji diġà inkrew. Dan jixhed li mhux minnu li l-investiment li għamlet il-kumpanija fih xi riskju u għalhekk, skont il-PD dan il-proġett ma kellux jinbiegħ b’rati favorevoli.

Fl-istqarrija, il-PD talbet lill-Awtorità biex tħares l-interess pubbliku milli l-interess tan-negozjanti privati li qed ikomplu jħaxxnu bwiethom għad-dannu tal-Maltin.