Investigaw 400 oġġett fil-baħar f’xahar u nofs

Binoculars at sea

F’temp ta’ xahar u nofs, il-MOAS (Migrant Offshore Aid Station) investigat 408 opra tal-baħar fil-missjoni tagħha ta’ osservazzjoni fil-baħar Andaman, fejn issorveljat il-kriżi tar-refuġjati Rohingya.
Skont ir-rapport li għadha kif ħarġet, jidher li l-parti l-kbira minn dawn kienu dgħajjes żgħar tas-sajd. Madanakollu ġew investigati wkoll dgħajjes kummerċjali u privati.
Ir-rapport jispjega kif ir-refuġjati Rohingya huma magħrufa li jitilqu mill-Myanmar fuq dgħajjes tas-sajd, u għaldaqstant jagħmluha aktar diffiċli biex wieħed jiddistingwi bejn dgħajjes tas-sajd u dawk bir-refuġjati.
Il-ħidma mit-tim tal-MOAS bdiet fit-3 ta’ April meta ġew ikkonfermati rapporti li Rohingya għamlu attentat sabiex jitilqu mill-Myanmar bil-baħar permezz ta’ bastimenti xejn siguri.
Imbagħad it-tim ħalla l-port ta’ Galle, fis-Sri Lanka fit-23 ta’ April u kkonkluda l-ħidma tiegħu f’Pulau Weh, fl-Indoneżja fit-13 ta’ Mejju.
 
Matul dan il-perjodu,il-bastiment salpa ‘l fuq minn 4,950 kilometru. B’kollox żar ħames nazzjonijiet differenti: Sri Lanka, l-Indja, il-Malażja, it-Tajlandja u l-Indoneżja.
Id-direttur tal-MOAS, l-Ammiral Franco Potenza tenna li huwa konvint li r-Rohingya se jkomplu jippruvaw jitilqu mill-Myanmar b’dgħajjes xejn siguri.
Huwa stqarr ukoll li jekk ma jsirx moniteraġġ indipendenti fuq il-baħar, iż-żona se tispiċċa ċimiterju tal-massa.