“Investigatur prim, kredibbli u oġġettiv” – L-Arċisqof deskritt mill-midja barranija

L-Arċisqof Charles Scicluna ġie deskritt bħala investigatur prim, bniedem kredibbli u oġġettiv f’xogħlu, u fuq kollox xi ħadd li jeħodha qatta’ bla ħabel kontra membri tal-kleru li jabbużaw mill-pożizzjoni tagħhom.
Dawn huma wħud mill-frażijiet li użaw siti tal-aħbarijiet tal-Knisja prominenti huma u jħabbru d-deċiżjoni tal-Papa li jafda f’idejn Mons. Scicluna l-missjoni li jmur iċ-Ċilì biex jiġbor aktar informazzjoni mingħand persuni li allegatament sfaw vittmi ta’ abbuż sesswali mingħand saċerdot.
Ir-rabja fiċ-Ċilì mhix indirizzata biss lejn dan is-saċerdot, imma l-aktar lejn l-Isqof ta' Osorno, Juan de la Cruz Barros Madrid. Ħafna rrabjati għax skonthom dan l-isqof kien jaf b’dak li kien qed jagħmel is-saċerdot, imma ma ħax azzjoni.
Is-sit The Tablet jgħid kif kien Mons. Scicluna li fiż-żmien li fih kien Ruma kien emenda liġijiet sabiex abbużi sesswali ta’ natura storika jiġu rrappurtati u wessa’ l-krimini ekkleżjastiċi biex jinkludi l-pussess tal-pornografija.
“Mons. Scicluna rrispettat ħafna minn vittmi ta’ abbużi sesswali”
America Magazine jiddeskrivi l-mossa ta’ Franġisku bħala waħda impressjonanti, u qal li Mons. Scicluna hu rrispettat ħafna minn vittmi ta’ abbużi sesswali. 
In-National Catholic Reporter jistqarr li l-Arċisqof wera bil-provi kemm hu oġġettiv f’xogħlu, għax mhuwiex pupazz tal-Vatikan.
In-New York Times kitbet li l-pressjoni pubblika li saret wasslet lill-Papa biex jaġixxi, wara li fiċ-Ċilì jista’ jkun li tkellem mingħajr ma kien jaf dak kollu li missu kien jaf biex jitkellem. “Mill-banda l-oħra, l-Arċisqof Scicluna f’dawn l-aħħar 10 snin ħareġ bħala l-aktar prelat li jifhem u jaf x’għandu jsir fejn jidħol l-abbuż sesswali”, tkompli l-gazzetta.
Finalment, il-Crux Now jirrimarka li Mons. Scicluna hu mlaqqam “il-prosekutur prim tal-abbużi sesswali” minħabba ż-żmien fil-Kongregazzjoni tad-Duttrina tal-Fidi, u anki għall-investigazzjoni aggressiva tiegħu.
Ġie deskritt ukoll bħala wieħed mill-aqwa ekspulizija tal-Knisja dwar l-abbużi sesswali.