‘Investigat rapport ta’ abbuż sesswali fuq anzjan f’San Vinċenz’

Read in English.

Allegazzjonijiet ta’ abbuż sesswali minn carer fuq anzjan fir-residenza ta’ San Vinċenz de Paul qed jiġu investigati. Il-kelliema għas-Segretarjat Parlamentari għall-Anzjanità Attiva kkonfermat dan ma’ Newsbook.com.mt.

Il-każ ġie rrappurtat fit-13 ta’ Settembru lill-ħaddiema tad-dar residenzjali. Il-kelliema spjegat li l-każ ġie immedjatament irrappurtat lill-Pulizija u infetħet inkjesta maġisterjali. Ġimgħatejn ilu, il-Pulizija marru San Vinċenz f’Ħal Luqa sabiex jinvestigaw il-każ.

Il-carer ġie sospiż milli jkompli jaħdem fil-ward, madanakollu mhux ikkonfermat jekk ġiex sospiż minn xogħlu għal kollox. Intant, infetaħ bord investigattiv intern sabiex jinvestiga l-każ.

Il-ġurnal Times of Malta rrapporta li sorsi spjegaw li carer maskili li kien viċin l-età tal-irtirar, allegatament abbuża sesswalment minn anzjan fil-preżenza ta’ carer ieħor. Madanakollu sa issa r-rapport għadu ma ġiex verifikat.

Il-Pulizija kkonfermaw il-każ ma’ Newsbook.com.mt. Ir-rapport daħal fl-Għassa ta’ Ħal Luqa fit-13 ta’ Settembru 2019. Dan beda jiġi investigat mill-ewwel mill-Pulizija tad-Distrett u l-Vice Squad. Hemm ukoll inkjesta maġisterjali għaddejja dwar il-każ.

Aqra: Filmat: L-anzjani f’Malta jiġu abbużati l-aktar b’mod emozzjonali – Tabib

Tabib Malti li jaħdem l-Awstralja u li fil-passat tkellem ma’ Newsbook.com.mt kien spjega li l-abbuż fuq l-anzjani huwa problema universali jiġifieri mhix xi ħaġa speċifika għal Malta. Minkejja dan qal li f’Malta din il-problema teżisti wkoll. Qal li hemm bżonn standards għoljin u professjonali li jinkoraġġixxu u jaġixxu għal min m’għandux is-saħħa.

Skont id-Dikjarazzjoni ta’ Toronto tal-2002, tal-Għaqda Dinjija tas-Saħħa, l-abbuż fuq l-anzjani huwa definit bħala att wieħed jew repetut, jew nuqqas ta’ azzjoni f’relazzjoni fejn hemm aspetattivi ta’ fiduċja. L-atti partikolari jwasslu għal ħsara jew stress għal persuni anzjani.