Mat-30 pulizija arrestati għal allegat abbuż mis-sahra

Aġġornat 11:45 PM

Read in English.

Madwar 30 uffiċjal tal-Pulizija ġew arrestati b’rabta ma’ investigazzjonijiet fuq allegat abbuż mis-sahra fis-Sezzjoni tat-Traffiku tal-Korp tal-Pulizija.

Rapport tat-Times of Malta qal li diversi uffiċjali qed jiġu interrogati u jaf jiġu anke sospiżi. Dan ġie kkonfermat indipendentament minn Newsbook.com.mt, u ftit tal-ħin wara, il-Pulizija ħarġet stqarrija tikkonferma dan.

Fi stqarrija maħruġa għas-6pm, il-Pulizija qalet li qed issir inkjesta maġisterjali dwar il-każ. Intqal li tħejja pjan ta’ kontinġenza biex ikun assigurat l-infurzar tal-liġi tat-traffiku fit-toroq.

Il-Pulizija qalet li l-investigazzjonijiet kienu ilhom għaddejjin għal ġimgħat. Fissret li, “Filwaqt li f’dal-mument għadhom għaddejjin l-investigazzjonijiet, il-Korp jassigura li se jieħu kwalunkwe miżura skont il-liġi u javża li ħejja pjan ta’ kontinġenza sabiex fin-nuqqas ta’ dawn l-uffiċjali, nibqgħu nassiguraw l-infurzar tal-liġi tat-traffiku fit-toroq tagħna.”

Huwa mifhum li l-investigazzjonijiet bdew wara li whistleblower wera t-tħassib tiegħu fuq dan l-abbuż li kien ilu għaddej għal xi żmien. Skont ir-rapport, l-investigazzjonijiet sabu li diversi membri tal-Korp tal-Pulizija kienu qed jieħdu l-overtime għal xogħlijiet li qatt ma saru u li huma qatt ma wettqu.

Ir-rapport jgħid ukoll li xi wħud minn dawn l-uffiċjali għandhom jitressqu l-qorti.

Il-Pulizija talbet lil kull min għandu xi informazzjoni b’rabta ma’ dawn l-allegazzjonijiet biex jgħaddihielha, anke b’mod kunfidenzjali, fuq in-numru 2294 2201 jew fuq l-indirizz elettroniku internalaffairs.police@gov.mt.

X’qal il-Ministru Byron Camilleri fil-Parlament?

Il-Ministru għall-Intern Byron Camilleri qal li l-investigazzjonijiet dwar il-każ tal-iskandlu tal-overtime mill-Pulizija għadhom għaddejjin, u li għadd ta’ pulizija diġà ttellgħu għall-interrogazzjonijiet.

Wara l-ħin tal-mistoqsijiet fil-Parlament, il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia staqsa lill-Ministru Camilleri jekk kellux il-ħsieb li jagħmel stqarrija parlamentari dwar dan il-każ. Il-Ministru qal li dan il-każ inkixef permezz ta’ whistleblower u se jħalli f’idejn il-qrati biex jiddeċiedu l-eżitu tal-każ.