Investigata r-raġuni għaliex se jiżdied il-prezz tat-trasport tal-istudenti

L-Awtorità Maltija għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur  se tkun qed tinvestiga lmenti ta’ ġenituri dwar żieda fil-ħlas għat-transport tal-istudenti mis-sena skolastika li jmiss. 
L-Awtorità se tieħu l-passi wara li l-Ministru tal-Edukazzjoni Evarist Bartolo rċieva kummenti mingħand ommijiet u fuq Facebook kiteb li: “Din iż-żieda se ġġib fix-xejn it-tnaqqis fit-taxxa li tajna biex inħeġġu ġenituri jużaw it-trasport skolastriku flok iwasslu lit-tfal huma.” 
Omm kitbet li għal tifel wieħed biss se tkun qed tħallas €70 aktar u spjegat kif għas-sena skolastika 2014/2015, ħallset €550, għas-sena 2015/2016 ħallset €580 u mis-sena skolastika li jmiss, bit-tariffi l-ġodda se tħallas €650. 
L-omm iddeskriviet bħala skuża, ir-raġuni li l-koperattiva Coop Services tat biex tiġġustifika ż-żieda fil-prezz għaliex skont il-koperattiva x-xufiera qed iqattgħu aktar ħin fit-traffiku u  qed jaħlu aktar fjuwil.