Investigata binja perikoluża fl-Imsida

Read in English.

Newsbook.com.mt jinsab infurmat li l-Kamra tal-Periti qed tinvestiga żvilupp li jidher li huwa perikoluż fi Triq il-Ħarruba kantuniera ma’ Triq Santa Venera fl-Imsida. Jidher li din il-binja qed tistrieħ fuq kolonni tal-briks. Sorsi viċin Newsbook.com.mt qalu li dawn il-kolonni ma jifilħux għal dan il-piż, liema binja ġiet approvata fl-2010.

Newsbook.com.mt bagħat il-mistoqsijiet tiegħu u qed jistenna risposta, lill-Pulizija kif ukoll lill-Awtorità tal-Ippjanar dwar il-passi li ttieħdu rigward binjiet perikolużi.

L-investigazzjonijiet fuq il-bini huma importanti għall-periti

Diversi periti wrew it-tħassib tagħhom ma’ Newsbook.com.mt dwar it-tneħħija tal-investigazzjoni ġeoteknika fiż-żona tal-iżvilupp. L-investigazzjoni ġeoteknika tgħin lill-professjonisti jkunu jafu x’tip ta’ art hemm kif ukoll xi problemi jistgħu jiġu żviluppati.

Il-periti spjegaw li dawn l-investigazzjonijiet iwasslu sabiex ikunu jafu jekk hemmx xi xquq jew blat imfarrak kif ukoll xi vini tat-tafal. Permezz ta’ dawn l-investigazzjonijiet isir magħruf ukoll x’tip ta’ strutturi hemm taħt l-art fosthom xelters ta’ żmien it-Tieni Gwerra Dinjija kif ukoll xi għerien. Il-periti qalu li t-tneħħija ta’ dan ir-rekwiżit ifisser li l-periti ma jkollhomx l-istampa sħiħa sabiex jassiguraw li l-iżvilupp ikun wieħed stabbli u sigur.

Fuq il-paġna ta’ Facebook id-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi qal li dawn ir-regoli l-ġodda qed jeliminaw ir-rekwiżit li ssir investigazzjoni ġeoloġika qabel jibda l-iskavar. Huwa qal li dan ilu minn żmien l-amministrazzjoni ta’ Lawrence Gonzi.

Din il-kwistjoni qamet wara konsultazzjoni pubblika mill-gvern wara t-tiġrif ta’ żewġ binjiet li ħdejhom kien qed isir xogħol ta’ kostruzzjoni. L-għan ta’ dan id-dokument isaħħaħ ir-regoli fuq l-iskavar u prattiċi fil-kostruzzjoni.  Din il-konsultazzjoni hija miftuħa għal ġimgħa.