Sospiżi żewġ ħaddiema tal-Animal Welfare dwar mewt ta’ kelba

Żewġ ħaddiema mid-Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali ġew sospiżi sakemm jitlestew l-investigazzjonijiet dwar l-allegat każ ta' kelba li tħalliet tmut fil-baħar fil-Marsa.
Dan ġie kkonfermat ma' Newsbook.com.mt minn kelliem għas-Segretarjat Parlamentari għad-Drittijiet tal-Annimali, li stqarr li malli rċieva l-informazzjoni, is-Segretarjat aġixxa mill-ewwel u ordna li ssir investigazzjoni interna dwar il-każ.
Żied jgħid li s-Segretarjat se jkun qed jistenna l-eżitu ta' din l-investigazzjoni u lest jieħu kull passi dixxiplinarji jekk jirriżulta li din il-mewt setgħet tiġi evitata.
Fuq il-mezzi soċjali ġie allegat li "kelba mietet mgħarrqa għax il-membri tal-ħarsien tal-annimali li kienu xogħol bil-lejl, iddeċidew li kien ta' periklu li jsalvawha f'nofs ta' lejl u ħallewha fl-ilma sa dalgħodu."
Minn informazzjoni li għandu Newsbook.com.mt jidher li l-uffiċjali tal-Animal Welfare ġew mitkellma mis-superjuri tagħhom, li tkellmu wkoll mal-persuni li kienu fl-inħawi.
Infurmati wkoll li l-kelba tellgħet mejta mill-baħar dalgħodu meta uffiċjali oħra ntbagħtu fuq il-post. 
Jidher li l-kelba f'diffikultà kienet bejn tug boat kbira ħafna u l-moll u għaldaqstant dak il-ħin kien diffiċli biex jintervjenu.
Ritratt: Facebook