Investigat ir-raġel li żamm lil Minnie għandu

Il-pulizija qed tinvestiga lir-raġel li żamm għandu lil Minnie, il-kelba li kienet tgħix fid-Dar Santa Rita f’Ħal Tarxien, u li nsterqet f’nofs Lulju li għadda.
Ma’ Newsbook.com.mt, il-pulizija kkonfermat li jinsabu għaddejjin l-investigazzjonijiet dwar dan il-każ.
Minnie nstabet 12-il jum wara, meta daħlilhom rapport li l-kelba kienet f’dar privata. Il-Madre tal-Kunvent Sor Rosalia marret tfittex il-post u malli l-kelba lemħitha, bdiet tifraħ biha u titla’ magħha.
Spjegat li għalkemm għand min kienet beda jgħidilhom li l-kelba kienet tiegħu, bil-kelma t-tajba kkonvinċietu biex jagħtihielhom lura.
Is-Soru qalet li l-kelba kienet bil-ġuħ u maħmuġa, iżda l-veterinarju sab li saħħitha kienet tajba.
Malli l-vann tas-soru dar il-kantuniera, it-tfal ħarġu jiġru fit-triq ikantaw u jgħajtu “Minnie! Minnie!”.