“Investiga użu ħażin ta’ fondi Ewropej mill-operaturi tat-tonn” – NGOs lil Vella

Karmenu Vella, il-Kummissarju Ewropew għas-Sajd, intalab jinvestiga l-possibbiltà li fondi Ewropej intużaw ħażin, partikolarment il-Fond għas-Sajd Marittimu Ewropew mill-operaturi tal-farms tat-tonn. Dan fid-dawl tal-investigazzjoni ta’ Operation Tarantelo.

AQRA: Aġġornata (2): Inkjesta dwar “teħid ta’ flus mill-bejgħ tat-tonn mid-DĠ”

Operation Tarantelo nbdiet mill-Gwardja Ċivili Spanjola, wara li saret taf b’sajd illegali, mhux rappurtat u mhux irregolat tat-tonn. Wara li ġew ippubblikati xi traskrizzjonijiet mill-gazzetta Spanjola El Confidencial, id-Direttur Ġenerali tas-Sajd Andreina Fenech Farrugia, ġiet sospiża b’mod indefinit. Hija ċaħdet li kienet involuta f’xi illegalitajiet.

Minn dakinhar, ħareġ ukoll li allegatament operatur lokali tal-farms tat-tonn huwa involut. Il-Pulizija Maltija fetħet l-investigazzjoni tagħha, u nfetħet ukoll inkjesta ppreseduta mill-Maġistrat Gabriella Vella.

AQRA: Maltin ittraffikaw tonn illegali permezz tat-toroq u l-ajru – rapport

AQRA: Ilna ninvestigaw l-illegalitajiet tat-tonn minn Ottubru – Il-Pulizija

L-ittra li kienet iffirmata mill-NGO lokali fish4tomorrow, World Wildlife Fund (WWF), il-Fondazzjoni għall-Ġustizzja Ambjentali, Client Earth u Oceana (Ewropa), elenkat 6 punti t’azzjoni li għandhom jiġu indirizzati mill-Kummissjoni Ewropea, fosthom il-komunikazzjoni pubblika ta’ kull tip ta’ miżuri korrettivi li l-Kummissjoni ddeċidiet li tieħu kontra Malta jew stati membri oħra biex tevita s-suq ta’ ħut illegali, u biex ittejjeb is-sistema tas-sajd Maltija.

Fi stqarrija, fish4tomorrow qalet li jeħtieġ li ssir investigazzjoni tad-Dipartiment tas-Sajd u l-Akwakultura, kif ukoll tal-fergħat Maltin ta’ Ricardo Fuentes e Hijos Group, ta’ Mare Blu Tuna Farm Ltd u ta’ RF Malta Holding Ltd.

AQRA: Bejgħ illegali tat-tonn: Karmenu Vella jikkundanna; isegwi l-każ

Is-sitt punti elenkati mill-NGOs

Is-sitt punti elenkati fl-ittra lill-Kummissarju Vella jitolbuh jiftaħ investigazzjoni u jippubblika rapport awditjat ta’ ħidma ħażina potenzjali mis-sistema tas-sajd Maltija, u n-nuqqas ta’ nfurzar tal-liġijiet tal-UE, wara li rapport tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Awditjar wera ineffiċjenzi sistematiċi u prattiċi mhux effettivi fid-Dipartiment tal-Ispezzjoni tas-Sajd f’Malta. Ir-rapport tal-NAO jgħid li hemm nuqqas ta’ impjegati biex iwettqu spezzjoni, u dan imur kontra l-obbigu legali li għandhom l-istati membri tal-UE.

Fit-tieni punt, l-NGOs jappellaw lill-Kummissjoni biex tgħid pubblikament x’kienu r-riżultati tal-investigazzjonijiet u biex toħroġ ir-riżultati tal-awditjar li sar fil-farms tat-tonn.

Lill-Kummissarju Vella talbuh jiżgura li l-istati membri involuti jieħdu miżuri ta’ nfurzar immedjati skont ir-regolamenti dwar il-prodotti ġejjin mill-farms suspettati u dwar iċ-ċittadini Ewropej involuti. Barra minn hekk, l-NGOs qalu li dawn il-prodotti għandhom jiġu mblukkati u l-esportazzjonijiet sospiżi.

L-NGOs talbu lill-Kummissjoni taħdem mal-Kumitat tal-Konformità tal-Kummissjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku (ICCAT) ladarba jiġu konklużi l-proċeduri legali, sabiex jinfurżaw ir-regoli ta’ konformità tal-Kummissjoni Internazzjonali.

L-ittra sħiħa tista’ taqraha hawn.