“Investiga lil Schembri” – Il-Kabinett lill-Pulizija

REUTERS/Darrin Zammit Lupi

Read in English.

It-Times of Malta qed tirrapporta li l-Pulizija ntalbu jarrestaw lil Keith Schembri u jerġgħu jinvestigawh b’rabta mal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, waqt il-laqgħa tal-kabinett li bdiet il-Ħamis filgħaxija u baqgħet għaddejja sat-3am tal-Ġimgħa. Jidher li dan sar minħabba t-tħassib serju ta’ frame-up fuq Chris Cardona, li l-ġimgħa li għaddiet issospenda lilu nnifsu minn Ministru u Deputat Mexxej tal-Partit Laburista.

Ministri u Segretarji Parlamentari kienu xxukkjati hekk kif semgħu li għaddiet għand l-investigaturi ittra maħsuba li nkitbet mill-eks Chief of Staff tal-Prim Ministru “biex jeħel Cardona”. Mat-Times, Schembri insista li hu m’għandux x’jaqsam mal-ittra. L-allegazzjonijiet jgħidu li l-kumplott biex jeħel Dr Cardona, kien xogħol Schembri u Yorgen Fenech. Fenech tressaq quddiem il-Qorti b’arrest ilbieraħ filgħaxija.

L-istess sit jikkwota membru tal-Kabinett jgħid li kienet l-agħar esperjenza ta’ ħajtu meta qara l-ittra ta’ erba’ paġni. Allegatament l-ittra ntbagħtet minn Schembri għal Fenech permezz tat-tabib Adrian Vella, li huwa wkoll it-tabib ta’ Schembri u Fenech.

“Ma jimpurtax twaħħal f’Cardona”

Fil-jiem li għaddew, sorsi infurmati qalu ma’ Newsbook.com.mt li f’ċertu ħin fil-kuntatti bejn l-eks Chief of Staff tal-Prim Ministru u n-negozjant Yorgen Fenech, Schembri qallu li “ma jimpurtax li ssemmi lil Cardona basta ma ssemmix lili”. Schembri ċaħad bil-qawwa kollha li pprova jagħmel frame up.

Kien Newsbook.com.mt li żvela għall-ewwel darba l-komunikazzjoni bejn Fenech u Schembri. Fenech kien qal li Schembri bagħatlu messaġġi jgħidu “tikxifnix u ngħinek”. Iżda Fenech iddeċieda li jikxef dik li hu sejjaħ il-korruzzjoni dwar l-Electrogas u saħansitra l-windfarms li l-Enemalta bniet fil-Montenegro. Fenech tkellem ukoll dwar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Aktar dettalji dalwaqt.