“Investiga lil Muscat, Mizzi u Scicluna fuq l-isptarijiet” – Delia

Read in English.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia appella lill-Gvern biex mhux talli jtemm il-kuntratt ma’ Steward Healthcare dwar it-tliet sptarijiet, imma biex jinvestiga l-involviment ta’ Joseph Muscat, Konrad Mizzi u Edward Scicluna f’dan il-ftehim.

Delia qal dan waqt konferenza tal-aħbarijiet fuq it-tliet sptarijiet, meta żvela li l-Oppożizzjoni saret taf illum li mhuwiex minnu li l-Gvern ġie provdut b’garanzija ta’ €9 miljun mingħand Steward.

Huwa saħaq li Muscat, Mizzi u Scicluna huma direttament responsabbli. Semma kif il-Prim Ministru Robert Abela jinsab f’sitwazzjoni skomda peress li għandu lill-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne li huwa kontra l-ftehim ma’ Steward, u lill-eks Prim Ministru Joseph Muscat favurih. Skont Delia, “Robert Abela maqbud fin-nofs.”

Delia rrefera għaċ-ċekk ta’ €15 mibgħut lill-familji Maltin mill-Gvern, u qal li li kieku ma nefaqx iżjed minn €200 miljun fuq dan il-ftehim ma’ Steward, kieku l-Maltin setgħu ħadu €400 fis-sena, u €2,400 fuq temp ta’ sitt snin.

Saħaq li kieku l-flus setgħu marru għas-saħħa mentali u l-Maltin ma kinux iqattgħu snin jistennew titjib, setgħu marru għad-dijabete u kienu jiġu installati sustainable glucose monitors, setgħu marru għall-kanċer u kienu jsalvaw iktar nies, jew setgħu marru għal dawk bla dar u ħadd ma kien ikun bla saqaf fuq rasu.

Waqt intervista lbieraħ, Delia qal li l-Oppożizzjoni qed tagħmel offerta lill-Prim Ministru li lesta tinża’ l-kuluri politiċi u tidħol mal-Gvern il-Qorti biex iwaqqaf il-kuntratt ta’ Steward fuq it-tliet sptarijiet kif ukoll jiġbor il-flus li skontu ġew misruqa mill-istess Steward.