Investa miljun f’Pilatus Bank biex jakkwista passaport Malti

Christopher Chandler, il-biljunarju Ingliż spjega ma’ The Sunday Times ta' Londra li kien investa miljun lira sterlina fil-Bank Pilatus sabiex jakkwista passaport Malti.
Chandler inqabad fost bosta akkużi ħierġa mill-Parlament Ingliż fejn sostnew li hu suspettat aġent Russu u li l-kumpanija li jopera kellhom rabtiet mal-ħasil tal-flus.
Madanakollu, ma’ The Sunday Times, Chandler qal li jemmen li safa vittma ta’ kampanja Russa ta’ misinformazzjoni, speċifikament minħabba li l-kumpanija tiegħu Legatum, kienet irrabbjat lill-Kremlin wara li xi snin ilu għamlet riċerka fuq il-mod kif l-Istat kien qed jikkontrolla l-midja.
Fl-artiklu ssemma wkoll kif ftit wara l-investiment ta’ Chandler fil-Bank Pilatus, l-assi tal-bank ġew iffriżati wara li s-sid, Ali Sadr Hasheminejad ġie arrestat fl-Istati Uniti.
Il-ġurnalista assassinata, Daphne Caruana Galizia, kienet qed tinvestiga l-andament tal-bank qabel ma ġiet assassinata.
Chandler spjega li ma kellu l-ebda idea dwar il-kontroversja madwar il-bank meta ddeċieda li jagħmel dan l-investiment. Sostna li kien qed japplika għal “passaport rispettabbli, minn pajjiż rispettabbli”.
Ir-raġuni tiegħu kienet waħda sempliċi, sabiex ikun jista’ jsiefer f’pajjiżi fl-Unjoni Ewropea mingħajr il-bżonn ta’ visa.
Spjega li meta wasal Malta u beda jara fejn jista’ jinvesti sabiex jakkwista l-passaport, bank lokali introduċih mal-Bank Pilatus, bank li sostna li ma kienx konxju bl-eżistenza tiegħu qabel.
Chandler, imwieled fin-New Zealand, jipprovdi sapport finanzjarju lil Legatum Institute, think tank ibbażat f’Londra li għandu konnessjonijiet ma’ Ministri fil-kabinett, Membri Parlamentari, ekonomisti persuni li jieħdu sehem f’kampanji li ssapportjaw lil Brexit.