Investa €60,000 għal deheb minn Sierra Leone iżda baqa’ b’riħitha

Raġel li tilef €60,000 li kien investa fi pjan li falla, tilef il-każ li ppreżenta biex jirkupra l-investiment tiegħu. Hu kien prova jimporta d-deheb minn Sierra Leone.

John Cortis u Mark Anthony Portelli, id-diretturi ta’ Malta Sierra Leone Investments Trading Company Ltd iddeċidew li jiftħu kumpanija flimkien ma’ diplomatiku mill-ambaxxata ta’ Sierra Leone fil-Libja u negozjant tad-deheb esperjenzat b’liċenzja biex jesporta d-deheb. Il-kumpanija ġiet irreġistrata f’isem Portelli.

Cortis kien investa €60,000 wara li kkonvinċih Portelli. Cortis kompla żied mas-somma u ħareġ €4,800 biex ikopri l-ispejjeż tal-esportazzjoni. Skont il-ftehim, Cortis kellu jieħu l-flus kollha li investa kif ukoll 33% tal-profitti. Dak iż-żmien id-deheb kien stmat li jiswa madwar € 30,148  għal kull kilogramma.

Wara xi żmien Cortis saqsa x’ġara mid-deheb u l-profitt, iżda Portelli qallu li l-ordni ġiet ikkanċellata u l-flus ġew investiti x’imkien ieħor. Portelli spjega lill-qorti li l-prezz tad-deheb żdied meta bdiet ix-xitwa minħabba li faqqgħet l-epidemija tal-Ebola fi Sierra Leone. Dan għamel it-tħaffir għad-deheb aktar perikoluż. Għal din it-tweġiba Cortis kien insista li l-flus kien investihom b’self, iżda Portelli qallu li l-flus kienu investiment kummerċjali.

Il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili qalet li l-argument ta’ Cortis ma kinux realistiċi. Il-qorti innutat li Cortis kien ibbaża l-azzjoni tiegħu madwar self u mhux frodi. Il-qorti qalet li l-argument dwar il-fatt li ma qarax id-dokument li kien iffirma u li lanqas talab parir ma jagħmilx sens meta hu lanqas biss jaf jaqra jew jikteb. Minbarra dan, Cortis kien għażel li ma jiġix imsemmi bħala azzjonist fil-kumpanija. Dan għamlu wara li ħa parir.

Cortis għażel li jirriskja flusu mingħajr ma jkun kopert b’mod xieraq. Il-qorti qalet li Portelli ma kienx responsabbli għall-investiment li falla. Il-qorti ċaħdet it-talba minħabba li l-investiment, li żgur ma kienx self, falla, u għalhekk dan ma jfissirx li l-imputat għandu jwieġeb b’mod personali jew għandu jinżamm responsabbli personalment.