‘Invenzjoni pura tal-UPE biex tagħmel il-ħsara’ – Ombudsman

Read in English.

L-allegazzjoni li l-Kummissarju għall-Edukazzjoni tqabbad mid-Dipartiment tal-Edukazzjoni biex jiġġustifika l-użu ta’ għalliema barranin hija invenzjoni pura intenzjonata biex tagħmel il-ħsara. Dan intqal fi dritt għar-risposta maħruġa mill-Uffiċċju tal-Obudsman wara stqarrija tal-Union għall-Għalliema Professjonali (UPE – Voice of the Workers).

Aqra: “Nemmnu fil-kwalità tal-lezzjonijiet, mhux bħal Carabez” – UPE

Il-Kummissarju għall-Edukazzjoni Charles Caruana Carabez kien qal li se jaħdem biex jindirizza l-kwistjoni tan-nuqqas ta’ għalliema li skontu tinsab f’xifer ta’ kriżi. Il-UPE wieġbet billi qalet li Carabez tqabbad mid-Dipartiment tal-Edukazzjoni biex jiġġustifika l-użu t’għalliema barranin fl-iskejjel tal-istat. Dan billi jikkonvinċi lin-nies li l-barranin huma s-soluzzjoni tal-problema.

L-Uffiċċju tal-Ombudsman insista li l-allegazzjoni li għamlet l-union li l-Kummissarju għall-Edukazzjoni b’xi mod jittollera indħil fil-funzjonijiet tiegħu mill-awtoritajiet hija “infondata, inġurjuża u timmina l-kredibilità tal-Uffiċċju.” Kompla billi insista li l-Kummissarju għall-Edukazzjoni qatt ma sostna li l-użu tal-ħaddiema barranin biex jagħmel tajjeb għan-nuqqas ta’ għalliema hi soluzzjoni tal-problema. Qal li sostna biss li jekk ma hemmx triq oħra, hu aħjar li l-klassi jkollha għalliem milli ma jkollhiex.

Aqra: Il-Kummissarju għall-Edukazzjoni se jidħol fil-kwistjoni tal-għalliema

Aktar kmieni dan ix-xahar mal-ġurnal The Malta Independent, il-Ministru għall-Edukazzjoni qal li ladarba l-ingaġġ ta’ għalliema barranin ħadem sew fi skejjel indipendenti u tal-Knisja, dawn jistgħu jiġu impjegati wkoll mal-Gvern. Il-Ministru qal li dawn jistgħu jiġu ingaġġati biex jgħallmu l-matematika u l-IT. Hu ma kkonfermax l-għadd ta’ għalliema li hemm bżonn jiġu ingaġġati.

Intant, nhar it-Tlieta, l-Union Maltija tal-Għalliema qalet li l-Gvern qed jerġa’ jaħsibha dwar il-proposta tiegħu biex jimporta għalliema barranin. Waqt konferenza tal-aħbarijiet il-President tal-MUT Marco Bonnici qal li minn dak li qed jisimgħu l-Gvern qed jaħsibha darbtejn però qal li ma kienx hemm aktar żviluppi b’rabta mal-kwistjoni.

Aqra: “Hemm ħafna soluzzjonijiet oħra li ma jinvolvux il-bżonn ta’ għalliema barranin” – MUT