​Inventur Daniż mixli bil-qtil ta’ ġurnalista

L-inventur Daniż Peter Madsen ġie akkużat bil-qtil tal-ġurnalista Żvediża Kim Wall ġewwa s-sottomarin (submarine) tiegħu.
Skont il-midja internazzjonali, Madsen qed jiġi akkużat ukoll li biċċer il-ġisem tagħha u li kellu x’jaqsam magħha sesswalment b’mod perikoluż.
Il-kadavru ta’ Kim Wall instab fil-baħar wara li intervistatu fuq is-sottomarin tiegħu.
S’issa Madsen kien qed jgħid li ma kienx hu li qatilha u li mietet f’inċident.
Is-sottomarin instab 15-il siegħa mill-ħin oriġinali tat-tluq tiegħu. Madsen kellu jiġi salvat peress li l-bastiment beda jegħreq. Meta instab mill-Pulizija, ma kien hemm l-ebda traċċa tal-ġurnalista li kienet irrapportata nieqsa.
Fil-Qorti, Madsen jista’ jeħel piena ta’ ħabs li tvarja minn 5 snin sal-piena massima ta’ għomru l-ħabs.
Wall kienet gradwat mill-Università ta’ Columbia u mil-London School of Economics. Artikli minn tagħha kienu dehru fin-New York Times, f’The Guadrian, u fir-rivista TIME.