Invażjoni minn 200 mogħża maħruba

Ritratti: Mark Svendsen minn You Tube

Hawn min igorr għax ikollu invażjoni ta’ nemel id-dar. Iżda xi residenti tal-belt ta’ Edwall fl-Istati Uniti kellhom tassew għalfejn igorru meta kellhom invażjoni ta’ 200 mogħża.

Il-mogħoż ħarbu lill-kumpanija Healing Hooves Natural Vegetation Management. Din il-kumpanija żżomm merħla kbira ta’ mogħoż għal dawk li b’mod naturali jkunu jridu li jneħħu l-ħaxix ħażin minn quddiem darhom. Dawn il-mogħoż huma ideali għal dan ix-xogħol għax jistgħu jmorru kullimkien u dejjem ikunu bil-ġuħ.


Ritratti: Mark Svendsen minn You Tube

Dawk tal-Healing Hooves Natural Vegetation Management ġieli kellmu lir-residenti x’għandhom jagħmlu jekk taħrab mogħża imma żgur qatt ma għadditilhom minn rashom li kellhom jaħarbu 200 waħda. Craig Madsen u Sue Lani Madsen, is-sidien tal-mogħoż, kellhom il-ħsieb li l-għada joħduhom f’xi post ieħor imma l-mogħoż iddeċidew li l-mixja jagħmluha l-ġurnata ta’ qabel.

Ritratti: Mark Svendsen minn You Tube

Jaħsbu li l-ħarba saret aktarx għax mogħża minnhom bdiet taħbat ma’ oħra u f’ħin qasir l-annimali kollha kienu jagħtu ma’ xulxin. Huma laqtu x-xatba fejn kienu miżmuma u ħarbu lejn ir-residenzi tan-nies. Ir-residenti ħarġu fit-triq u rnexxielhom idawruhom biex imorru f’post fejn jieħdu l-klieb għall-mixi. L-ebda mogħża ma ntilfet għax kollha baqgħu qaqoċċa flimkien. L-invażjoni ħadet b’kollox nofs siegħa.

Ritratti: Mark Svendsen minn You Tube

Il-filmat tal-ħarba tal-mogħoż ittieħed minn wieħed li dak l-ħin kien ipparkjat f’karozza.