Read in English.
It-tieni fergħa taż-żgħażagħ tal-Partit Nazzjonalista ħarġet stqarrija li fiha qalet li jkun inutli li titfajjar il-buzzword “bidla” u li tintefa l-ħtija fuq bniedem wieħed.
Din l-istqarrija ħarġet jum biss li l-fergħa ewlenija taż-żgħażagħ tal-Partit Nazzjonalista, il-Moviment Żgħażagħ Partit Nazzjonalista (MŻPN), qablu mal-konklużjoni ta’ Louis Galea li hemm bżonn tim ġdid biex imexxi lill-Partit Nazzjonalista.
Il-Kap attwali tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia kien iddelega lil Louis Galea biex iressaq proposti għal riforma fil-Partit Nazzjonalista, liema riformi għandhom jidħlu fis-seħħ sa Marzu.
Team Start fl-istqarrija tagħhom qali li “minkejja li huwa komdu li ma toħroġx mill-comfort zone, sabiex tikber trid tagħżel dak li hemm bżonn mhux dak li huwa komdu”.
Spjegaw li s-sitwazzjoni preżenti fil-PN titlob mumenti ta’ riflessjoni u diskussjoni, mhux insulti u tgħajjir. Stqarru għalhekk li huwa “inutli niktbu fuq il-mezzi soċjali, nieħdu gost infajjru l-buzzword tal-‘bidla’ u nitfgħu l-ħtija fuq bniedem wieħed”.
Stqarru wkoll li Adrian Delia waħdu ma jistax jagħmel mirakli u qalu li jkun “żball jekk naħsbu li bidla ta’ kap tkun il-‘bacchetta magica’ li ssolvi kollox”. Qalu li hemm bżonn impenn kollettiv mingħand kulħadd.
Temmu jgħidu li flimkien mal-MŻPN huma lesti biex jaħdmu u jkunu parti mill-bidla billi jiffurmaw “rapport ta’ sustanza”.